Il-Kunsill Naxxari Minn Tal-Ewwel B’Ideat Innovattivi Li Jinkludu Lill-Pubbliku
Ilbieraħ il-Kunsill Lokali Naxxar nieda l-ewwel minn sensiela ta’ laqgħat pubbliċi online bil-ħsieb li jkun dejjem eqreb lejn ir-residenti tiegħu. Dawn il-laqgħat se jkunu qed jiddiskutu diversi temi li jolqtu lir-residenti tan-Naxxar u l-ħidma lejhom mill-Kunsill.
Kif spjega s-Segretarju Eżekuttiv Paul Gatt fl-introduzzjoni ta’ din l-ewwel laqgħa, permezz ta’ dawn id-diskussjoni il-Kunsill se jkun qiegħed joffri l-opportunità lir-residenti jsemmgħu leħinhom, se joffri l-opportunità anki lill-Kunsillieri li jesprimu l-opinjoni personali tagħhom, jgħin lill-Kunsill iwassal il-messaġġ tiegħu, iservu ta’ mezz edukattiv, jisma’ l-opinjoni tal-pubbliku fejn jidħlu proġetti u inizjattivi ġodda u jkun aktar trasparenti fix-xogħol tiegħu.
F’din l-ewwel diskussjoni kien trattat is-suġġett tal-iżvilupp tal-parkeġġ tat-tradefair li dan l-aħħar ġimgħat qajjem reazzjonijiet mhux żghar mill-pubbliku. Infatti l-Bord tal-Ippjanar, bagħat lill-iżviluppaturi lura biex jimmodifikaw id-disinn propju għaliex ma nsabtx li huwa aċċettabbli.
Il-parteċipanti kienu s-Sindku Annemarie Muscat Fenech Adami, il-Minority Leader Marlon Brincat, rappreżentant tal-Awtorità tal-Ippjanar u tliet residenti. Id-diskussjoni tmexxiet mis-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill li kien hu li ħareġ b’din l-idea ta’ dawn id-diskussjonijiet.
Għal darba oħra l-Kunsill Lokali Naxxar reġa’ kien minn tal-ewwel fl-ideat u l-inizjattivi lokali.