Il-PN Jgħid li l-PL dawwar il-Gozo Innovation Hub f’Każin Laburista

 Il-PN Jgħid li l-PL dawwar il-Gozo Innovation Hub f’Każin Laburista

Il-Partit Nazzjonalista qal li għall-Partit Laburista m’hemmx differenza bejn dak li hu tal-Gvern u l-poplu Malti fuq naħa u dak li huwa tal-Partit Laburista fuq in-naħa l-oħra.

Fi stqarrija, il-Kelliem għal Għawdex tal-PN qal li l-Ħadd li għadda, il-Prim Ministru Robert Abela għoġbu jdawwar f’każin Laburista l-Innovation Hub fix-Xewkija Għawdex, meta għamel il-laqgħa tiegħu tal-Ħadd għall-partitarji Laburisti fl-istess Innovation Hub, bini tal-Gvern, iffinanzjat minn fondi Ewropej u li suppost huwa ddedikat għan-negozji biex joperaw minnu.

Il-PN qal li Robert Abela uża l-Innovation Hub biex minnu jagħmel ħafna kummenti partiġġjani li minnhom l-Għawdxin ma ggwadanjaw xejn.

Minflok, qal li l-Għawdxin kienu qed jistennew mingħand Abela li dan jgħidilhom kif l-Innovation Hub, li sewa flejjes kbar, se jimlieh bin-negozji li joffru xogħol ta’ kwalita` għall-Għawdxin f’Għawdex kif ilu jwiegħed il-Partit Laburista sa mill-2013 bla ma qatt wettaqha.

Dan għaliex wara li l-Innovation Hub ġie inawgurat b’tant pompa fl-2019, hi ħasra li sal-lum il-Gvern Laburista ħalla dan il-bini vojt, kif wara kollox jammetti l-Gvern Laburista stess.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com