Il-Qalb Tal-Omm Ma Tieqaf Qatt Tħobb!

 Il-Qalb Tal-Omm Ma Tieqaf Qatt Tħobb!

“Tmien snin ilu kienet l-agħar ġurnata ta’ ħajjitna…” Hekk bdiet tirrakonta l-istorja tagħha Charmaine Caruana; storja li wasslitha sabiex infetħu ‘San Luigi Childcare Centres”.

Charmaine irrakkuntat kif waqt it-tqala tagħha kienet marret għal dak li ħasbet se jkun ultrasound normali tar-rutina. Qatt ma mmaġinaw li kienu se jisimgħu l-iktar aħbar kerha li qatt setgħu jirċievu. It-tarbija b’saħħitha li kienet qed iġġorr waqfitilha qalbha! B’qalb maqsuma Charmaine kompliet tirrakkonta kif kellhom jaffaċċjaw din ir-realtà fuqhom hekk għallarrieda.

Luigi, hekk kienu se jsemmuh. Mill-għada marret l-isptar biex twelldu fost ħafna qsim il-qalb. Tiddeskrivi lil Luigi kemm kien tarbija sabiħa… “għajnejh kellhom l-istess għamla tar-raġel tiegħi”. Tirrimarka kif fl-isptar tal-inqas kien tbiddel il-fatt li jiġu separati n-nisa li se jwelldu minn dawk li, bħal Charmaine, ikunu diġà jafu d-destin tat-tarbija tagħhom.

Mill-għada li marret lura d-dar, vojta mingħajr Luigi, tkellmet ma’ żewġha fuq ħolma li kellha. Riedet tagħmel xi ħaġa kbira biex isem binhom jibqa’ ħaj. Charmaine iddeċidiet li tiftaħ l-ewwel San Luigi Childcare Centre fl-2015. Luigi għandu post speċjali f’qalbha flimkien ma’ uliedha Michela u Giovanni. Din hija r-raġuni għaliex dawn ic-’Childcare Centres’ huma tant għal qalbha u taħdem tant b’passjoni u tinvesti biex tara li kull tifel u tifla f’dawn iċ-ċentri ma jkun jonqoshom xejn.

Illum il-ġurnata Charmaine fetħet tliet Childcare Centres fin-Naxxar, San Ġwann u Ħal-Lija. Aħbar sabiħa oħra hi li hemm ċentru ieħor se jinfetaħ dalwaqt f’Attard. 

Din hija l-istorja ta’ Charmaine u San Luigi Childcare Centres. 

Charmaine, min jaf Luigi kemm hu kburi bik!

Abraham Abela

https://www.stradarjali.com

Abraham għandu iktar minn 8 snin esperjenza fil-ġurnaliżmu u l-komunikazzjoni. Iħobb ħafna s-safar, speċjalment f’pajjizi lil hinn mill-Ewropa. Għandu interess partikolari fl-isports, it-teknologija u l-ġrajjiet kurrenti.