“Issoltu, F’Jum Il-Milied, Mandy Tistieden Id-Dar Persuni Li Jinsabu Waħedhom” – Peppi Azzopardi
Iddeskrivi l-Milied xi jfisser għalik fi 3 kelmiet.
Birthday ta’ rivoluzzjonarju
Kif se tqattgħu l-Milied din is-sena?
Mal-familja, nipprova nkun relaxed avolja nkun inkwetat minħabba li l-għada se nippreżenta fl-Istrina.
U s-soltu kif tqattgħu l-Milied?
L-istess, ħlief li minn 5 snin ilu Mandy bdiet tistieden persuni li kieku jkunu se jieklu waħedhom f’jum il-Milied. Ilaħwa kemm nieħdu gost, x’ferħ li ma tispjegahx.
L-aktar jum il-Milied li m’int se tinsa qatt, u għaliex?
Naħseb l-ewwel Istrina li saret… 25 sena ilu. Bdiet b’kumbinazzjoni u illum, kif qaltli Mariella li hija pazjenta tal-kanċer, l-Istrina messna nagħmluha il-festa nazzjonali ta’ Malta.
Apparti l-familja, kieku kellek tqatta’ jum il-Milied ma’ persuna li trid, lil min tagħżel u għaliex?
Kieku nagħżel lil Maradona għax persuna li taffaxxinani u xtaqt ħafna niltaqa’ miegħu imma laħaq miet.
Ukoll, kieku l-ħabs mhux vendikattiv kif inhu, kieku nistieden xi priġunieri li naf u nagħmlu ġurnata flimkien.
Din is-sena, f’nofs pandemija, il-Milied aħjar jew agħar mis-soltu? Għaliex?
Aħjar għax qed napprezzaw iktar lil saħħitna u lil xulxin.
Semmi l-aktar memorja sabiħa tal-2020.
Meta morna niġbru ċ-ċertifikat tal-gradwazzjoni mill-Mcast ta’ ibni Xandru. Kienet triq iebsa li jien u Mandy imxejna flimkien u wasalna.
Semmi l-aktar memorja kerha tal-2020.
Meta fuq il-tablet rajt u kellimt lil ommi bid-dimenzja u bdiet tistaqsini “inti min inti, nafek jien?”.
U anki meta bħal ma nagħmel kull sena ċempilt lil Joe Debono (James Bondin) biex ngħidlu Happy birthday u qalli “Jien għandi l-ALS”… x’jibqa ġo fik?