Jibda l-Istaġun Tal-Badminton f’Malta
L-ewwel ranking tournament tal-istaġun tal-Badminton attratta numru tajjeb ta’ parteċipanti minn klabbs varji. Fil-kategorija tan-nisa, Francesca Clark u Sarah Fava kienu superjuri fuq l-avversarji kollha tagħhom u fil-finali għelbu lill-isfidanti Fiorella Marie Sadowski u Michaela Ellul 21-19, 21-12 fit-33 minuta.
Fil-kategorija tal-irġiel kellna logħob iktar missielet biż-żewġ finalisti li kellhom jitħabtu mhux ftit biex jagħmluha sal-finali. Stephen Ferranto u Aldo Polidano għelbu lil Akshay Mepparamban u Arun Pious 16-21, 21-12, 21-14 fil-kwarti tal-finali biex imbgħad għelbu lil Chris Spiteri u Jahan Sumon 23-21, 21-13 biex waslu fil-finali.
Il-finalisti l-oħrajn, Owen Grech u Mark Abela kellhom iffaċċjaw lit-tieni seeds Nigel Degaetano u Isaac Ellul biex jaslu fil-finali. Kif jindika l-iskor, kienet logħba oħra kkumbattuta iżda Grech u Abela rnexxielhom jagħlqu il-logħba f’rebħa ta’ 22-20, 21-19. Fil-finali Grech u Abela rebħu l-ewwel logħba 21-14 iżda Ferrante u Polidano irrispondew billi rebħu it-tieni logħba 21-18. Grech u Abela rnexxielhom jirbħu it-tielet u l-aħħar logħba kif ukoll il-konfront bl-iskor ta 21-18.
Fil-Mixed Doubles Ranking Tournament Mark Abela u Sarah Fava għelbu lil Aldo Polidano u Lauren Azzopardi 21-14, 21-11 f’logħba li damet 24 minuta. Fis-semi finali Abela u Fava kellhom biċċa xogħol iebsa biex għelbu lil Nigel Degaetano u Sarah Azzopardi 21-15, 21-23, 21-14. Fis-semi finali l-oħra Polidano u Azzopardi rebħu kontra Samuel Cali u Tiziana Mifsud 21-18, 21-14.
Intant Derek Talbot, wieħed mill-iktar plejers ta’ suċċess fl-istorja tal-Badminton Ingliż, ingħaqad mal-iSportMalta Badminton Malta Academy bħala kowċ. L-iżvilupp ta’ din l-akkademja kien ta’ priorita’ għall-Badminton Malta u dan il-pass se jkompli jsaħħaħ din l-akkademja għall-futur.
Badminton Malta organizzat ukoll l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Junior National Championships, b’kategoriji differenti biex tingħata l-aqwa opportunita’ lil plejers zgħar. Intlagħbu tmien kategoriji b’Jeremy Mark Gatt rebaħ il-kategoriji Singles ta’ taħt it-tlettax u ħmistax-il sena kif ukoll il-Mixed Doubles flimkien ma’ Emily Abela. Martina Clark rebħet il-kategorija singles femminili. Francesca Clark kellha prestazzjoni mill-aqwa f’dawn il-kampjonati u rnexxielha tirbaħ il-kategoriji kollha tal-etajiet tagħha. Hija rebħet il-kategoriji singles ta’ taħt is-sbatax u dsatax-il sena u id-Doubles ta’ taħt is-sbatax u dsatax-il sena flimkien ma’ Eleanor Abela.
Ritratt: Badminton Malta