“Josef Farrugia għallimni x’inhi diżabbilta’ 36 sena ilu” – Il-Ministru Julia Farrugia Portelli

 “Josef Farrugia għallimni x’inhi diżabbilta’ 36 sena ilu” – Il-Ministru Julia Farrugia Portelli
“Il-kelma diżabbilta’ għallimni x’inhi Josef Farrugia 36 sena ilu meta konna fuq l-istess bank tal-iskola Santa Giovanna Antida l-Gudja. Niftakar meta l-għalliema talbitna npoġġu jdejna fuq pitazz u nduru madwar is-swaba bil-lapes. Minħabba d-diżabbilta’ Josef ma setax jagħmel dan u talabni l-għajnuna.” Hekk stqarret il-Ministru Julia Farrugia Portelli fuq facebook meta kitbet fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali għall-Persuni b’Diżabbilta’ u fil-ftuħ ta’ ġimgħa ddedikata lill-persuni b’diżabbilta’.
Il-Ministru Farrugia Portelli sostniet li filwaqt li għandu jitqajjem iżjed għarfien dwar kif wieħed għandu jġib ruħu f’każijiet ta’ diżabbilta’, għandna nirrikonoxxu li mhux id-diżabbiltajiet kollha huma viżibbli, dawn jinkludu kundizzjonjiet bħal ADHD, l-awtiżmu, fibromyalgia, u problemi newroloġiċi fost l-oħrajn. Din hi t-tema magħżula din is-sena mill-Ġnus Magħquda.

L-aħħar riċerka turi li hawn madwar 35,000 persuna b’diżabbiltà fejn 20,620 huma rreġistrati mal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli fissret kemm hu ta’ sodisfazzjon għaliha u iżjed u iżjed għall-persuni b’diżabbiltà li l-ħtiġijiet tagħhom għall-ewwel darba telgħu fuq livell Ministerjali. “Aktar minn qatt qabel l-għan tal-Ministeru hu li d-diżabbiltà tittella’ fuq pjattaforma nazzjonali u b’mod konkret is-soċjetà tkun iżjed sensittiva għall-isfidi li qed jgħixu ta’ kuljum dawn il-persuni u l-qraba tagħhom. L-għarfien għandu jibda sa minn eta` ċkejkna inkluż b’kampanji edukattivi li jipprovdu għarfien dwar kif in-nies għandhom iġibu ruħhom f’każijiet ta’ diżabbiltà”, qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

Min-naħa tiegħu Josef Farrugia faħħar il-ħidma tal-Gvern u qal li jħossu ferm grat li issa hemm Ministeru kompletament iffukat fuq il-ħtiġijiet ta’ persuni bħalu. Sostna li emozzjona ruħu li l-ewwel persuna b’diżabbiltà li riedet tiltaqa’ miegħu l-Ministru kien proprju hu. Semma kif 36 sena ilu, għalliema talbet lill-istudenti jpoġġu idejhom fuq il-pitazz u jduru madwarha bil-lapes. “Minħabba d-diżabbiltà ma stajtx nagħmel dak li talbet l-għalliema u għalhekk kelli ndur fuq il-ħabiba tiegħi biex tgħini. Min kellu jgħidli li wara dan iz-żmien kollu din it-tifla kellha tkun il-Ministru għall-Inklużjoni,” qal Farrugia.

Huwa temm jgħid kif baqgħet dejjem qrib tiegħu anke jekk il-ħajja ħadithom f’toroq differenti

https://www.facebook.com/JuliaFarrugiaPortelli/photos/a.405366307984/10159715093442985/

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com