Mitlub Jirriżenja Minn CEO tal-Kunsill Nazzjonali Tal-Ktieb Wara Li Bagħat Mara Tieħdu F’S*****
Is-Segretarju Permanenti fil-Minsiteru għall-Edukazzjoni Frank Fabri talab lill-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri biex iqis il-pożizzjoni tiegħu u jirriżenja mill-kariga wara li bagħat mara tieħdu f’sormha.
It-talba saret f’email li Dr Fabri bagħat lis-Sur Camilleri b’reazzjoni għal artiklu ppubblikat illum fuq dan is-sit https://www.stradarjali.com/2020/12/int-haqq-a-ok-trid-tmur-iddahhalha-fs-l-ittra-ta-yorgen-xbin-mark-camilleri/.
Fl-email tiegħu, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Edukazzjoni qal li dak li ppubblika Camilleri, jiġifieri l-konverżazzjoni privata li kellu mal-Avukat Juliette Galea mhu xejn eżemplari u ta’ ġieħ lis-settur pubbliku u edukattiv.
“Qed nitolbok tqis il-pożizzjoni tiegħek fil-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u tirriżenja mill-kariga li tokkupa minn jeddek. Nistenna li tagħmel dan b’mod immedjat u minnufih”, kiteb Dr Fabri.
B’reazzjoni Camillieri qal li ma jiddispajċih xejn li bagħat lil Avukat Galea tieħdu f’sormha wara li bagħatitlu ħolqha għal artiklu f’The Malta Independent dwar l-inkjesta pubblika li suppost għandha tistabbilixxi jew le jekk fost oħrajn l-istat setax jevita l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Camilleri qal li skont kif stipulat bl-awtorità legali li għandu bħala Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, qed isejjaħ Kungress Nazzjonali tal-Kittieba u l-Pubblikaturi biex issir elezzjoni urġenti u immedjata fuq il-pożizzjoni tal-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.