Tinħareġ L-Ewwel Liċenzja Maltija Għall-Produzzjoni Tal-Kannabis Għall-Użu Mediċinali

 Tinħareġ L-Ewwel Liċenzja Maltija Għall-Produzzjoni Tal-Kannabis Għall-Użu Mediċinali

L-Awtorità Maltija għall-Mediċina approvat u ħarġet l-ewwel liċenzja relatata mal-produzzjoni tal-kannabis mediċinali lill-kumpanija Kanadiża Aphria, leader globali fis-settur.  L-ewwel prodotti li se jiġu manifatturati, ippakkjati u ittestjati minn din il-kumpanija se jkunu fil-forma ta’ dried flowers. Il-kultivazzjoni ta’ dawn id-dried flowers ser issir ġewwa l-Kanada.

Dan huwa tragward importanti sabiex is-settur tal-kannabis mediċinali f’Malta jibda’ jesporta prodotti tal-ogħla kwalità manifatturati f’pajjiżna. Dawn il-prodotti se jikkompetu fis-swieq prinċipali madwar id-dinja.

Dan l-investiment barrani dirett f’pajjiżna kien possibbli wara proċess rigoruż immexxi mill-Awtorità għall-Mediċina u l-Malta Enteprise, li flimkien assiguraw il-proċess ta’ skrutinju neċessarju. Dan il-proċess kien jinkludi approvazzjoni tal-proġett, proċess ta’ skrutinju u evalwazzjoni tal-attività ekonomika mill-Malta Enterprise, u tkompla b’numru ta’ spezzjonijiet, ċertifikazzjonijiet u evalwazzjonijiet rigorużi minn naħa tal-Awtorità għall-Mediċini.

Filfatt l-Awtorità tagħmel spezzjonijiet kemm fl-impjant ta’ Malta u kif ukoll fil-faċilitajiet ta’ Aphria ġewwa l-Kanada minn fejn se tiġi esportata l-materja prima. Dan sabiex jiġi ċċertifikat li l-proċeduri jsiru skont Good Manufacturing Practice (GMP) bl-istandards tal-Unjoni Ewropea f’dak li għandu x’jaqsam produzzjoni ta’ prodotti ta’ farmaċewtika. Dan jikkonferma li l-prodott mediċinali magħmul mill-kannabis li se jiġi esportat ikun tal-ogħla kwalità.

Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista qal illi dan il-proċess ta’ liċenzjar ħa madwar sentejn b’ħidma ma’ speċjalisti fi ħdan l-Awtorità għall-Mediċina. Il-proċess rigoruż ħa jiggarantixxi li dan il-prodott huwa tal-ogħla kwalita’ sabiex Malta tkun leader f’dan il-qasam.

Il-Ministru għall-Enerġija  Miriam Dalli laqgħet din l-aħbar u spjegat kif din in-niċċa speċjalizzjata se tkun qed twassal għal attivita’ ekonomika importanti oħra.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com