Grupp Ta’ Immigranti Irregolari Jintbagħtu Lura Lejn Pajjiżhom
Grupp ta’ persuni li waslu irregolarment f’Malta ġew irritornati lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom permezz ta’ operazzjoni ta’ ritorn mis-Sezzjoni tal-Immigrazzjoni tal-Pulizija. Ir-ritorn ta’ dawn il-persuni sar permezz ta’ titjira minn Malta.
L-immigranti joriġinaw minn barra l-Ewropa u waslu Malta irregolarment bil-baħar fl-2019 u l-2020. It-talba tagħhom għall-ażil ġiet ipproċessata fix-xhur ta’ wara mill-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali. Il-proċess tar-ritorn tagħhom beda immedjatament kif ġie kkonfermat li dawn il-persuni ma ħaqqhomx protezzjoni u ma kienx hemm riskji għalihom jekk kemm-il darba jiġu rritornati lejn pajjiżhom.
Il-proċess tar-ritorn ma huwiex faċli, speċjalment minħabba l-fatt li dawn l-immigranti waslu f’Malta mingħajr dokumenti ta’ identifikazzjoni. Analiżi tal-Qorti tal-Awdituri Ewropej li saret fl-2020 sabet li anqas minn 30% tal-immigranti irregolari minn barra l-Ewropa jiġu irritornati mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Id-diffikultajiet marbuta mar-ritorn komplew jiżdiedu hekk kif faqqgħet il-pandemija globali tal-COVID-19.
Minkejja dawn l-ostakli, ħidma intensiva mill-Korp tal-Pulizija u l-Ministeru tal-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi wasslet sabiex ikun possibbli li jiġu irritornati dawn il-persuni. Ingħatat ukoll assistenza mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej f’dak kollu li jikkonċerna l-aspett diplomatiku u assistenza loġistika mill-Forzi Armati ta’ Malta.
Waqt żjara li għamel lill-iskorti li ħadu sehem f’din it-titjira, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri fakkar fl-importanza tar-ritorn bħala wieħed mill-pilastri tal-Gvern fl-istrateġija dwar l-immigrazzjoni.
“Pajjiżna dejjem kien minn ta’ quddiem nett biex jipproteġi lil min verament għandu bżonn. Mill-banda l-oħra, irridu nkunu f’pożizzjoni li nużaw l-għodda kollha li tagħtina l-liġi sabiex nirritornaw lil dawk li waslu hawn irregolarment u jinstab li ma jkun ħaqqhom l-ebda forma ta’ protezzjoni,” qal il-Ministru Camilleri.
Huwa spjega l-ħidma li qed issir mill-Gvern sabiex aktar persuni li ma ħaqqhomx jibqgħu f’Malta jiġu irritornati, l-aktar permezz tat-twaqqif ta’ taqsima iddeddikata għal dan il-għan u l-investiment fis-Sezzjoni tal-Immigrazzjoni tal-Pulizija mħabbra fl-aħħar baġit.
L-ispejjeż relatati ma’ din l-operazzjoni ġew koperti minn fondi tal-Unjoni Ewropea iddedikati għar-ritorn mill-Fond għall-Ażil, Migrazzjoni u Integrazzjoni.