Iġarrab Ħruq Waqt li Kien Qed Jaħdem Murtal

Raġel ta’ 35 sena mill-Kalkara ndarab gravi waqt li kien qed jaħdem murtal f’kamra tan-nar fil-Qrendi.
Il-każ seħħ Ilbieraħ, għall-ħabta tal-ħamsa neqsin kwart ta’ waranofsinhar meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien għadu kemm ittieħed raġel l-Isptar Mater Dei wara inċident f’kamra tan-nar fil-Qrendi.
Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li fil-ħin tal-inċident, kien hemm raġel ta’ 35 sena residenti l-Kalkara li sofra xi ħruq waqt li kien qed jaħdem fuq murtal.
Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan il-każ għadha għaddejja.