Il-Kap Tal-Oppożizzjoni F’Laqgħa Mal-Għaqda Ġurnalisti Sports
Il-viżjoni politika sportiva għall-futur li qed jaħdem fuqha l-Partit Nazzjonalista ġiet diskussa f’laqgħa li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech kellu mal-għaqda ġurnalisti sports.
Grech qal, “Irrid li dan il-pajjiż jibda jħares lejn l-isport minn lenti differenti. Irrid nara aktar għarfien u rikonoxximent għal dak li jista’ jagħti l-isport lill-bniedem.
“L-isport joffri benefiċċji fis-saħħa fiżika u dik mentali, rridu iżda nħarsu ukoll lejn l-isport bħala opportunità u injezzjoni ekonomika bit-turiżmu sportiv”.
Preżenti għall-laqgħa l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar iż-Żgħażagħ u l-Isport Robert Cutajar, il-Kelliema dwar il-Wirt Nazzjonali, Arti, Kultura u Media Therese Comodini Cachia, kif ukoll Christian Micallef, chairman tal-fergħa sportiva fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, li fakkar kif din il-fergħa tinsab impenjata li tkun dejjem qrib l-isportivi kollha Maltin, kemm fuq livell ta’ assoċjazzjoni, klabbs, atleti, amministratturi, partitarji u dilettanti, li lkoll flimkien jagħmlu parti mill-familja sportiva lokali.
Fil-laqgħa tressqu proposti proattivi mill-Għaqda Ġurnalisti Sports bil-għan aħħari li l-Isport jitla’ ‘l fuq fl-agenda ta’ dan il-pajjiż.
Il-President tal-Għaqda Sandro Micallef akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham semmew l-importanza li jiżdiedu l-finanzi f’dan il-qasam, li jsiru sforzi biex id-diversi assoċjazzjonijiet sportivi li bħalissa jinsabu sparpaljati jingħaqdu u li l-għaqda tikseb sit imwiegħed u li jkun jinkorpora fih mużew ta’ memorabilja ta’ personalitajiet sportivi Maltin tal-passat u tal-preżent.