Il-MAM Trid Li Kulħadd Ikun Id-Dar Sad-9pm Fi Tmiem Il-Ġimgħa; Twissi Li L-Isptar Daqt Jilħaq Il-Limitu

 Il-MAM Trid Li Kulħadd Ikun Id-Dar Sad-9pm Fi Tmiem Il-Ġimgħa; Twissi Li L-Isptar Daqt Jilħaq Il-Limitu

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija trid li sabiex titrażżan l-imxija tal-coronavirus, tiġi introdotta miżura li tobbliga lin-nies biex ma jdumux aktar mid-9pm barra mid-dar il-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd. L-assoċjazzjoni trid li dan jidħol fis-seħħ imqar għal ġimagħtejn, partikolarment għal jumejn wara l-Karnival.

Fi stqarrija, il-MAM qalet li hija inkwetata bin-numru għoli ta’ każijiet ta’ Covid-19 li qed jinstabu ta’ kuljum, billi qed ikun hemm medja ta’ 150 każ kuljum,b’konsegwenza li l-iswali fl-Isptar Mater Dei jkunu mimlijin wisq, tant li se jaslu f’punt fejn ma jkunux jifilħu aktar pazjenti.

Il-MAM qalet li l-maġġoranza tal-Maltin jilbsu l-maskri u jżommu d-distanza soċjali, qalet il-MAM, hemm minoranza ta’ nies li jippreferu li jieħdu gost, u fi żmien il-festi injoraw il-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa u ħarġu u tħalltu man-nies.

Il-MAM hi mħassba wkoll fuq il-contact tracing, billi dan il-proċess waqa’ lura u mhux qed ikun effettiv.

Għaldaqstant, l-assoċjazzjoni trid li tittieħed azzjoni immedjata sabiex jieqaf iċ-ċiklu ta’ nies li jieħdu l-Covid-19 fi tmiem il-ġimgħa meta jattendu attivitajiet soċjali, u mbagħad jgħadduh lil qrabathom u lill-kollegi tagħhom tul il-ġimgħa.

Barra minn miżura li tobbliga lin-nies li jkunu d-dar sad-9pm, il-MAM qed tissuġġerixxi wkoll li jkun hemm aktar infurzar fuq stabbilimenti li mhumiex jimxu mal-miżuri, speċjalment dawk f’Paceville u Buġibba.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com