Il-Pulizija Għamlet Tfittxija F’Lukanda F’San Ġiljan… Arrestat Raġel Ta’ 31 Sena Mill-Belt Valletta

 Il-Pulizija Għamlet Tfittxija F’Lukanda F’San Ġiljan… Arrestat Raġel Ta’ 31 Sena Mill-Belt Valletta

L-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga kompliet bil-ħidma tagħha kontra t-traffikar tad-droga. Fl-aħħar sigħat, ġie arrestat raġel ta’ 31 sena residenti l-Belt Valletta wara li nqabad fil-pussess ta’ ammont ta’ droga kokaina u ħaxixa tal-kannabis.

Wara informazzjoni li waslet għand il-Pulizija, ilbieraħ, uffiċjali għamlu tfittxija ġewwa kamra f’lukanda f’San Ġiljan. Waqt din it-tfittxija, instabu ammont ta’ pakketti ta’ droga suspettata kokaina u ħaxixa tal-cannabis, flimkien ma’ ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti.

Minn tfittxijiet oħra li saru fir-residenza tal-persuna fil-Belt, instabu xi pakketti oħra b’sustanza suspettata ħaxixa tal-cannabis u oġġetti oħra relatati mal-abbuż tad-droga.

Ir-raġel qiegħed jinżamm arrestat fil-Kwartieri Ġeneral tal-Pulizija, il-Floriana, u mistenni jitressaq il-Qorti taħt arrest illum għall-ħabta tal-10.00 quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Natasha Galea Sciberras.

L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com