Janet Richard u Luke Farrugia L-Aqwa Atleti Tas-Sena 2020

 Janet Richard u Luke Farrugia L-Aqwa Atleti Tas-Sena 2020

F’ċerimonja li saret ilbieraħ fil-Lukanda Cavalieri f’San Ġiljan, l-assoċjazzjoni tal-atletika f’pajjiżna premjat numru ta’ atleti fil-kategoriji rispettivi. Janet Richard u Luke Farrugia rebħu l-premju ewlieni mogħti għall-aqwa atleti fl-2020, filwaqt Jordan Gusman u Benjamin Micallef irċivew rikonoxximent speċjali għall-prestazzjonijiet eċċellenti fl-isport matul is-sena.

Għal Richard u Farrugia, l-2020 kienet sena memorabbli bit-twaqqif ta’ rekords nazzjonali ġodda. Il-kisba tal-atleta femminili kienet impressjonanti mhux biss għall-fatt li waqqfet rekord ġdid b’ħin ta’ 54.06s fl-400m fil-Kampjonati Nazzjonali, iżda għaliex dan kien ifisser li tejbet rekord li kien ilu mwaqqaf 19-il sena minn Tanya Blake.

Min-naħa tiegħu, Luke Farrugia, li rebaħ l-Atleta Maskili tas-Sena, mhux biss tejjeb ir-rekord fid-diskus, iżda b’51.92 tejjeb ir-rekord bi kważi żewġ metri. Dawn ir-riżultati huma aktar ta’ min japprezzahom meta jkun ikkunsidrat il-fatt li saru fis-Sajf wara xhur fejn it-trakka tal-atletika u gyms kienu magħluqa minħabba r-restrizzjonijiet tal-Covid-19.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima filwaqt li rringrazzja lil Athletics Malta tax-xogħol siewi li twettaq, saħaq kif il-gvern qed jinvesti f’numru ta’ faċilitajiet state-of-the-art li ser ikunu hemmhekk għall-użu tal-atleti. Huwa kompla jgħid li minkejja l-isfidi li ġabet magħha l-2020, il-Gvern permezz ta’ SportMalta ta ‘l fuq minn €2 miljuni f’assistenza lill-assoċjazzjonijiet sportivi. Apparti dan se jsir investiment addizzjonali li jammonta għas-somma ta’ €6 miljuni għall-atleti.

Grima kompla jgħid li din is-somma se tagħti importanza u rwol ċentrali lill-atleta u lill-individwu li se tassigura coaching tal-ogħla livell, li verament b’modi innovattivi ikun qed jintlaħaq l-iżvilupp sħiħ tal-atleta. Dan kollu se jkun qed isir f’ottika, viżjoni lejn il-preparamenti meħtieġa għal meta fis-sena 2023 nospitaw il-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar f’pajjiżna.

F’diskors tal-okkażjoni, Andy Grech, President ta’ Athletics Malta tkellem dwar ir-riżultati miksuba mill-assoċjazzjoni matul is-sena li għaddiet kif ukoll dwar il-viżjoni għax-xhur u s-snin li ġejjin. Huwa rrimarka kif fix-xhur li għaddew saru passi kbar ‘il quddiem b’rebranding tal-assoċjazzjoni, preżenza akbar fil-media, kits ġodda u tisħiħ tar-relazzjonijiet internazzjonali.

Grech tkellem ukoll dwar l-istandards professjonali li qed timmira għalihom l-assoċjazzjoni. B’referenza għat-trasformazzjoni tat-trakka tal-Marsa fi stadium ta’ livell internazzjonali, huwa sostna li “proġett bħal dan mhux biss se jservi biss biex il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar ikunu avveniment memorabbli iżda se jħalli frott għal numru ta’ snin li hija l-ħolma ta’ kull atleta ta’ pajjiżna”.

 

Ritratt: Monalisa Camilleri

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com