“Kuntent Li L-Pazjenti Qed Jitkellmu Dwar L-Istat Li Fih Jinsab Monte Karmeli” – Il-Kummissarju Għas-Saħħa Mentali

 “Kuntent Li L-Pazjenti Qed Jitkellmu Dwar L-Istat Li Fih Jinsab Monte Karmeli” – Il-Kummissarju Għas-Saħħa Mentali

Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali Dr John Cachia aċċetta bis-sħiħ il-kritika ta’ pazjenta li għamlet tmient ijiem fl-isptar Monte Karmeli. Iż-żagħżugħa lmentat dwar l-istat li jinsab fih il-bini ta’ dan l-isptar, partikolarment fuq in-naħa ta’ ġewwa. Hija tellgħet diversi ritratti xokkanti sabiex twassal il-messaġġ tagħha.

Intant, Dr John Cachia laqa’ l-ilment ta’ din iż-żagħżugħa tant li qal li japprezza li l-pazjenti qed jagħmlu l-kuraġġ u jitkellmu dwar dan.

Huwa saħaq li l-istat li fih jinsab l-isptar huwa l-bogħod minn dak mixtieq, filwaqt li qal li l-awtoritajiet tal-isptar Monte Karmeli għad iridu jaġġornaw il-protokolli, minkejja li huwa talabhom ripetutament biex jagħmlu dan.

It-tfajla qalet li l-bini tal-isptar bħal donnu ħareġ minn film tal-biża’ u li l-post huwa l-bogħod ħafna milli jkun adekwat sabiex ifejjaq persuni bi problemi ta’ saħħa mentali. Hija qalet li kważi kważi anki jekk ma jkollokx problemi ta’ saħħa mentali tispiċċa toħroġ minn hemm ġew tħossok agħar, aħseb u ara.

Fi stqarrija li ħareġ illum, Dr Cachia, il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, ħeġġeġ pazjenti u eks-pazjenti sabiex jilmentaw u jitkellmu dwar l-esperjenza tagħhom f’Monte Karmeli sabiex ikomplu jagħmlu pressjoni. Dr Cachia qal ukoll li l-kummenti tat-tfajla li tkellmet fl-aħħar jiem “sfortunatament huma simili ħafna għal dak li jgħidu diversi pazjenti oħrajn” u li dan jirrifletti s-sejbiet tal-Kummissjoni li ilhom jiġi rrapurtati lill-Awtoritajiet ikkonċernati għall-dwar l-aħħar 6 snin.

Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne wiegħed li l-isptar Monte Karmeli se jiġi sostitwit bi sptar ġdid li se jkun jinsab biswit Mater Dei, u li għandu jibda’ jopera mis-sena 2025.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com