“L-Abbuż Razzjali Fl-Isport Irid Jispiċċa” – Il-Prim Ministru Abela
Il-Prim Ministru Robert Abela mar fuq Twitter it-Tnejn wara nofsinhar biex anke hu f’isem il-gvern Malti kkundanna l-aġir fil-konfront tal-player ta’ Raiders Għargħur Maya Lucia li l-Ħadd ġiet mgħajra sempliċiment għax hija sewda.
“Li atleta żagħżugħa tiġi mgħajra b’dak il-mod minħabba l-kulur tal-ġilda tagħha mhiex aċċettabli aktar fis-soċjetà tagħna. […] Għandha flimkien naħdmu biex nibnu soċeta fejn kulħadd ikun trattat l-istess, jikber ir-rispett u fejn id-diskriminazzjoni tispiċċa darba għal dejjem”, qal il-Prim Ministru Abela fil-kumment tiegħu.
Sadanittant ingħaqdet fil-kor ta’ kundanna anke s-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar li ħabbret ukoll li fi żmien li ġej se jiġi varat Pjan Nazzjonali kontra r-Razziżmu u l-Ksenofobija, b’miżuri robusti immirati li jeqirdu r-razzismu fis-setturi tas-soċjeta’.
Cutajar qalet, “Atleta Maltija sfat vittma ta’ nsulti a bażi razzjali, aġir li sfortunatament mhux l-ewwel darba li kellna bħalu. Dawn l-episodji juruna li r-razzismu jeżisti u kuntrarjament għal dak li naħsbu, ma jsofruħx biss il-barranin fostna iżda Maltin bħalna li egħruqhom jirrefletti d-diversita’ li ilha tikkaretterizzana sa minn dejjem”.
Anke c-Chairman ta’ SportMalta Luciano Busuttil ingħaqad ma’ esponenti oħra fosthom is-Segretarju Parlamentari għaż-żgħażagħ u sport Clifton Grima u oħrajn fil-kundanna tagħhom għal dan l-aġir minn ġenitur ta’ player tat-tim oppost u li suppost bħala ġenitur għandu jew għandha tagħti eżempju aħjar, waqt il-logħba l-Ħadd wara nofsinhar fil-ground ta’ Wied il-Għajn mill-Kampjonat ta’ taħt id-dsatax-il sena tan-Nisa bejn it-tim ta’ Maya, Raiders Għargħur u Mosta FC.