Minn Nhar it-Tnejn l-Iskejjel tal-Gvern Ser Jiftħu mill-Ġdid

 Minn Nhar it-Tnejn l-Iskejjel tal-Gvern Ser Jiftħu mill-Ġdid

Kif ikkonfermat mis-sit StradaRjali.com aktar kmieni llum saret laqgħa oħra bejn il-Prim Ministru, il-Ministru għall-Edukazzjoni u s-Segretarju Permanenti, flimkien mal-Malta Union of Teachers, is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija, l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja u l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel Indipendenti fejn fiha komplew id-diskussjonijiet wara l-istrajk imħabbar nhar l-Erbgħa filgħaxija mill-Malta Union of Teachers.

Matul il-laqgħa saret preżentazzjoni tas-sitwazzjoni tal-pandemija u l-effett fuq l-iskejjel mill-Professur Charmaine Gauci, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika. Intalbet ukoll l-assistenza ta’ Dr Vincent Marmarà sabiex il-partijiet ikollhom analiżi tal-istatistika tal-pandemija.

Il-konklużjoni ta’ dan kollu kienet li ngħatat l-assigurazzjoni ċara li, billi l-iskejjel ikunu miftuħa b’miżuri ta’ mitigazzjoni, iktar hemm tendenza li jonqsu l-każijiet fil-komunità għax il-familji jipparteċipaw f’inqas attivitajiet soċjali. Dan jipprovdi iktar protezzjoni lit-tfal u lill-edukaturi u jgħin biex irażżan il-pandemija fuq livell nazzjonali.

Għalhekk, l-iskejjel ser jiftħu minn nhar it-Tnejn 11 ta’ Jannar bil-miżuri kollha li ddaħħlu skont il-protokolli maqbula mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika. Il-partijiet irreġistraw ukoll dan il-qbil:

– Il-proċedura ta’ contact tracing u implimentazzjoni tal-protokolli ser tkun imsaħħa;
– Il-proċedura ta’ ċertifikati tal-mard li jiġu ppreżentati fl-iskejjel ser titjieb;
– L-istaff tal-iskejjel se jkunu ta’ prijorità fil-programm tal-implimentazzjoni tal-vaċċin hekk kif bħalissa t-tilqima qed tingħata lill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa u lill-anzjani;
– Il-partijiet kollha ser ikollhom aġġornament kull ġimgħa permezz ta’ figuri aġġornati dwar l-effett tal-pandemija fl-iskejjel;
– Il-gvern u l-partijiet kollha qed jerġgħu jingħaqdu f’working group biex jiddiskutu u jirrevedu l-ħidma fil-pandemija b’mod kontinwu.

L-iskejjel tas-setturi kollha ser ikunu mifuħin minn nhar it-Tnejn 11 ta’ Jannar bil-miżuri ta’ mitigazzjoni kollha skont il-protokolli u skont il-modalitajiet li kienu ġew imħaddma minn kull skola qabel il-Milied.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com