Omm Ta’ Tifla Bid-Down Syndrome Tħeġġeġ Lill-Ġenituri Sabiex Jixtru Ġugarelli Rappreżentattivi Lil Uliedhom

 Omm Ta’ Tifla Bid-Down Syndrome Tħeġġeġ Lill-Ġenituri Sabiex Jixtru Ġugarelli Rappreżentattivi Lil Uliedhom

Permezz tal-blog tagħha, Lindsay Filcik, omm ta’ tifla bid-down syndrome, ħeġġet lill-ġenituri sabiex jibdew jixtru ġugarelli rappreżentattivi lil uliedhom.

Hija spjegat kif storikament kienet in-norma li fil-ġugarelli, fil-films, fil-kotba, fir-reklami u f’mezzi oħrajn ta’ komunikazzjoni dejjem konna naraw l-istess tip ta’ nies jiġu rappreżentati. Mill-pupi tal-Barbie għal films ta’ Hollywood ftit li xejn kont tilmah diversità. Iżda illum, minkejja li għad baqa’ ħafna xi jsir, l-affarijiet qed jibdew jinbidlu.

“Kull bniedem individwali jistħoqqlu li jara’ lil xi ħadd li jidher bħalu, kemm fuq il-midja u fil-ġugarelli fost l-oħrajn. Għal snin twal persuni minn diversi razzez, persuni b’abilitajiet differenti u b’tipi ta’ ġisem differenti ftit li xejn kienu rappreżentati”, qalet Filcik.

Dan kollu jista’ jkollu impatt dirett fuq diversi individwi. Pereżempju, meta tfal b’diżabilità qatt ma jilmħu lil ħadd bħalhom fil-midja, u qatt ma jsibu jixtru ġugarelli ta’ pupi li jidhru bħalhom, jibdew jinternalizzaw l-idea li huma abnormali u li d-dinja ma tixtieqx tarahom. Bil-kuntrarju ġugarelli u mezzi tal-midja li jagħtu spazju lil varjetà ta’ persuni jkunu qed iwasslu messaġġ inklussiv u li jista’ jkollu impatt pożittiv fuq is-soċjetà u fuq il-ħajja ta’ kuljum ta’ dawn l-individwi.

Ritratti: www.themighty.com

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com