“Qabel Jitwettaq Il-Manifest Elettorali Ma Mmorrux Għal Elezzjoni Ġenerali” – Il-PM
“Nemmen li din is-sena ser tkun aqwa mis-sena li ħriġna minnha. Nifhimkom u nemmen li dan iż-żmien huwa iebes fejn baqa’ li nagħmlu biċċa sagrifiċċju qabel iż-żmien aħjar li ġej.” Hekk beda l-Prim Ministru Robert Abela fejn tenna li ser ikun pożittiv, onest u realistiku.
Semma kif din il-ġimgħa, l-istess nies li rieduh isakkar in-nies f’ ‘lockdown’, qabdu miegħu għax qalulu li qed ikun wisq fiduċjuż.
Spjega kif lejliet il-Milied, hu flimkien ma’ Chris Fearne qattgħuh billi żaru l-ITU f’Mater Dei. “Meta nagħti kelma lin-nies inżommha”, spjega l-Prim Ministru fejn elenka dak li seħħ matul din is-sena li għaddiet.
Semma kif fil-bidu tas-sena l-oħra, kien hawn kriżi politika li tbiddlet, “wiegħedna li jsiru riformi kbar fil-qasam tal-Governanza tajba u twettqu, kien hemm il-wegħda tal-Imigrazzjoni u twettqet, wiegħedt korp effiċjenti u tajna korp effiċjenti, wegħedna li nibnu bis-saħħa r-reputazzjoni ta’ pajjiżna u qalulna ma naslux, u rnexxielna wkoll.”
Kompla billi elenka bosta kisbiet li għalkemm ma kinux imwiegħda, twettqu bl-iskop li jaħsbu fiż-żgħir u fil-batut.
“Determinat li noħroġ lil dan il-pajjiż mill-pandemija qawwi u sħiħ… din is-sena nwiegħdkom li ser naħdem iżjed biex dak li tellfet il-pandemija nġibuh aktar.” Semma kif qabel jitwettaq il-manifest elettorali, mhux se jmorru għal elezzjoni ġenerali.