“Se Nkun Kritiku Lejn il-Partit Laburista Fejn Hemm X’Jitjieb…” – Oliver Scicluna

 “Se Nkun Kritiku Lejn il-Partit Laburista Fejn Hemm X’Jitjieb…” – Oliver Scicluna

“Tassew kburi li qed fostkom illum u li qed nindirizzakom għall-ewwel darba”, beda Oliver Scicluna fejn qal li għalih il-politika mhux battalja bejn l-aħmar u l-blu iżda li tpoġġi lilek innifsek għas-servizz tal-poplu.

Spjega kif beda mill-qasam tal-hip hop u fil-kamp biex jgħin persuni b’diżabbilità fejn dejjem ta l-passjoni tiegħu f’dak li għamel.

Wiegħed li se jkun ta’ servizz għall-Partit Laburista u għall-pajjiż u qal ukoll li se jkun sinċier fil-kritika lejn il-partit fejn ikun hemm aspetti li jridu jitjiebu.

Semma t-triq li mexa minħabba d-diżabbilità fejn qal li ma jridx jagħmilha tal-martri jew miskin iżda tenna kif fil-bidu tad-disgħinijiet, kien hemm skejjel li rriġettawh.

“Tgħallimt li għal kull sfida li għelibt, hemm tnejn oħra ġejjin…”, kompla jgħid Oliver fejn qal li għalkemm aħna pajjiż li niftaħru kemm għandna qalbna tajba, ġieli nsarrfu dan biss billi nuru kemm niġbru flus fil-maratoni minn sena għall-oħra.

Saħaq kif dan huwa żmien ta’ sfida kbira fejn kulħadd jixtieq li niġu lura għan-normal iżda issa l-mument li ntejbu lilna nfusna, kemm individwalment imma wkoll bħala soċjetà.

Enfasizza wkoll li rridu neliminaw l-għira u s-sefsif żejjed li flok tibni, tkisser lilek u lil ħaddieħor. “Ejja niġġieldu l-isfida bl-ideat mhux bil-personali.”

Ħa l-okkażżjoni jirringrazzja lil martu li tagħtu żewġ ulied mhux tlieta kif qalu xi mezzi tal-midja u faħħar il-kwalitajiet tagħha. Irringrazzja wkoll lil Gavin Gulia fejn qal li ħassu mbarazzat meta ċempillu imma kien hu li għenu wkoll jilqa’ din l-isfida fi ħdan il-Partit Laburista.

Semma wkoll lil Joseph Muscat li emmen fih ukoll mill-bidu u bosta segretarji parlamentari, ministri, l-eżekuttiv li dejjem tawh sapport kontinwu.

Irringrazzja wkoll lill-Prim Ministru u mexxej tal-PL Robert Abela: “Nirringrazzjak tal-fiduċja u nwiegħdek li mhux se tisħet is-siegħa u l-mument li ridtni miegħek. Fuq kollox, inwiegħdek li fejn ma naqbilx miegħek, jien ħa nkun qed ngħidlek. Inwiegħdek li nafda fid-deċiżjonijiet tiegħek u fuq kollox inwieħgdek li se naħdem bla waqfien biex tkompli tagħmel minn pajjiżna, pajjiż għal kulħadd bla ma jħares lejn uċuh.”

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com