Tliet Timijiet Fil-Quċċata tal-Klassifika Tal-Kampjonat Tal-Futsal

 Tliet Timijiet Fil-Quċċata tal-Klassifika Tal-Kampjonat Tal-Futsal

Swieqi United u l-Università ta’ Malta laħqu lil Luxol fil-quċċata tal-klassifika wara li kellhom ġimgħa memorabbli b’żewġ rebħiet minn daqstant logħbiet. Dawn iż-żewġ timijiet ikkonfermaw li flimkien mat-tim minn St Andrews u Valletta għandhom ikunu l-isfidanti ewlenin għar-rebħ tat-titlu.

Fl-ewwel logħba li lagħbu, Swieqi United ftit sabu diffikulta’ sabiex jegħlbu lil Żurrieq Futsal 6-0. It-tim bil-flokkijiet oranġjo kellu lid-duo Eduardo Riano Garcia u Robert Stoyanov li skorjaw doppjetta kull wieħed filwaqt li Michael Borg u Steve Camilleri għaqqdu n-nofs tuzzana għat-tim tagħhom.

Fit-tieni logħba li lagħbu, Swieqi United kellhom jitħabtu sabiex jegħlbu l-isfida iebsa li offrewlhom Ta’ Xbiex hekk kif rebħulhom 6-4. Dawn tal-aħħar taw logħba tajba iżda b’xorti ħażina ħarġu fuq in-naħa telliefa.

Dylan Pace, Michael Borg, Sergio Morales, Matthew Buhagiar, Eduardo Riano Garcia u Karl Sciortino skorjaw għal Swieqi filwaqt li doppjetta ta’ Stefi Cale, Glenn Bonello u Matthew Fenech irrispondew għal Ta’ Xbiex.

Min-naħa tagħhom, l-Universita’ ta’ Malta kisbu żewġ rebħiet konsekuttivi kontra Ibraġġ u Mellieħa rispettivament. Huma għandhom 12-il punt fil-klassifika għalkemm b’ logħba iktar minn Luxol u Swieqi li bħalhom jinsabu fl-ewwel post. Il-logħba kontra Ibraġġ ma kinitx waħda daqshekk faċli bl-Universitarji li madankollu rebħu 4-2. Huma skorjaw il-gowls tagħhom permezz ta’ doppjetta ta’ Alexander Ellul u gowls oħra ta’ Cleaven Portelli u Mohammed Salem Benatiya. Min-naħa tagħhom, Ryan Buhagiar u Jurgen Ciantar żammew lill-Ibraġġ fil-logħba għalkemm fl-aħħar mill-aħħar ma setgħux jevitaw it-telfa finali.

Fit-tieni logħba li lagħbu, l-Universita’ ta’ Malta kellhom wirja aħjar hekk kif rebħu lil Mellieħa SC 5-1. Dawn tal-aħħar iddiżappuntaw wara bidu pożittiv matul dan l-istaġun. Għat-tim minn Tal-Qroqq spikka Denis Di Maio li skorja hat-trick bi Stefan Camilleri li kien awtur ta’ doppjetta. Għall-Mellieħa kien Ciprian Socacio li naqqas il-marġni tal-iskor.

Min-naħa l-oħra, assistejna għal żewġ konfronti ferm bilanċjati min-naħa t’isfel tal-klassifika tant li ġew irreġistrati żewġ dros spettakolari.

Ibraġġ u Marsaskala temmew il-konfront tagħhom fi dro ta’ 3-3. Għall-Ibraġġ spikka Gilmour Cuschieri li wettaq hat-trick u għen lit-tim tiegħu jikseb vantaġġ fl-ewwel taqsima. Madankollu l-Iskalin irritaljaw u ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Gianluca lo Giudice, Alessio Restuccia u Dylan Caruana.

Finalment fi dwell bejn żewġ timijiet li kienu għadhom ma kisbu l-ebda punt matul dawn l-istaġun, St Georges u Naxxar Lions Futsal offrew spettaklu hekk kif spiċċaw fi dro ta’ 3-3. Bħas-soltu Jean Noel Azzopardi kien strumentali għan-Naxxarin hekk kif skorja tliet gowls. Għat-tim mill-Kottonera doppjetta ta’ Mattia Mentosa u gowl ieħor ta’ Luke Gatt aċċertaw li huma jieħdu punt minn din il-partita.

Ritratt: Joe Borg

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com