Uffiċjali: Oliver Scicluna Se Jiġi Co-opted Għal Deputat Parlamentari
Oliver Scicluna se jkun qed jirrapreżenta lill-Partit Laburista fil-Parlament bħala Membru Parlamentari.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li kien il-Prim Ministru nnifsu li ressaq isem Oliver Scicluna quddiem il-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista, fejn ġiet diskussa l-co-option ta’ Membru Parlamentari fuq in-naħa tal-Gvern.
Fil-fatt ftit ħin ilu, il-Prim Ministru laqqa’ wkoll lill-Eżekuttiv tal-Partit Laburista biex tiġi diskussa l-co-option ta’ Oliver Scicluna fuq livell tal-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista, wara li Scicluna ġie approvat unanimament f’mekkaniżmu għall-co-option biex jimtela s-siġġu vakanti fil-Parlament.
Preżentament, Oliver Scicluna huwa l-Kummissarju tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, liema kariga ilu jokkupa sa minn Ġunju tal-2016. Huwa kien ukoll Chairman tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabilità fl-2014, u serva bħala Chairman tal-Kumitat Azzjoni Soċjetà Ġusta li huwa kruċjali għat-tħejjija tal-Politika Nazzjonali dwar id-Diżabilità.
Oliver Scicluna ggradwa b’degree fil-kors taż-Żgħażagħ u l-Istudji fil-Komunità mill-Università ta’ Malta, kif ukoll b’Masters fil-Business Administration.