Waħda Mill-Akbar TV Series Ta’ ‘Apple TV + Foundation’ Tinġibed F’Malta
Bħalissa f’pajjiżna qed tinġibed waħda mill-akbar produzzjonijiet fl-Ewropa, ‘Foundation’. Din il-produzzjoni hija waħda mill-ewwel serje ta’ Apple TV u mistennija tkun waħda mill-aktar promossa.
Din il-produzzjoni ilha tħejji l-preparamenti u tipproduċi l-ġbid tagħha f’Malta għal dawn l-aħħar erba’ xhur.
Il-Ministru għat-Turizmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Clayton Bartolo, qal li huwa pożittiv li matul is-sena li għaddiet, minkejja s-sitwazzjoni tal-COVID19, Malta baqgħet tattira numru ta’ produzzjonijiet. Huwa fakkar li Malta attirat 11-il produzzjoni b’nefqa totali ta’ €32 miljun fl-2020. Huwa semma wkoll li jinsab ottimist biex jara l-masterplan tal-Malta Film Studios, li jinkludi l-bini tal-ewwel soundstages f’Pajjiżna, jitwettaq.
Il-Kummissarju tal-Films, Johann Grech qal li l-Kummissjoni Maltija għall-Films hija kburija li rnexxiela ġġib il-produzzjoni ta’ Foundation ġewwa darha. Huwa spjega kif in-nefqa ta’ din il-produzzjoni f’pajjiżna laħqet ‘il fuq minn €10 miljun, filwaqt li ħadmu il’fuq minn 400 persuna crew u aktar minn 800 extra.
Grech qal li huwa ferm pożittiv kif din il-produzzjoni għażlet li taħdem f’pajjiżna minkejja il-pandemija, dan wara ir-riżultati pożittivi li qed tikseb Malta fl-industrija tal-films. Huwa qal li filwaqt li dan is-settur ħa daqqa globalment minħabba l-pandemija, il-Kummissjoni tal-films baqgħet għaddejja b’ħidma u kompliet tkun reżiljenti sabiex tattira iżjed produzzjonijiet lejn pajjiżna.
Semma kif il-produtturi internazzjonali qed jirrikonoxxu din il-ħidma u huwa propju għalhekk li qed tintgħażel Malta għal dan it-tip ta’ produzzjonijiet. “Din setgħet tiġri biss b’protokolli ċari u robusti relatati mal-COVID 19, sabiex niffaċilitaw aktar produzzjonijiet f’pajjiżna, qal il-Kummissarju Grech.
“Malta qegħda verament turi il-potenzjal, ir-reżiljenza, u l-kapaċitajiet tagħha. Flimkien, irnexxielna nżommu mmal-wegħda tagħna li nilqgħu il-produzzjoni bi crew eċċellenti, servizz eċċellenti, u lokazzjonijiet mill-isbaħ. Kburin bit-talenmt lokali tagħna.” Qal Johann Grech.
“Malta ser tkun dejjem lesta ghal Foundation. Ser issibuna dejjem hemm.” Saħaq il-kummissarju Johann Grech
Il-Produzzjoni Amerikana minn Los Angeles, ‘Foundation’ użat diversi postijiiet f’Pajjiżna, kif ukoll użat it-3 tankijiet tal-ilma fil-Malta Film Studios. Ix-xeni li qed jinġibdu f’Malta huma fost ix-xeni maġġuri ta’ din is-serje.
Michael Malone, il-Produttur ta’ Foundation qal li l-esperjenza tiegħu f’Malta, mal-Kummissarju tal-Films Johann Grech u l-Kummissjoni tal-Films kienet waħda eċċellenti. Huwa qal li la darba jlestu l-ġbid tagħhom f’Malta, ser jirrakomanda lil-pajjiżna ma’ crew ta’ films oħra. Malone faħħar ukoll l-ospitalita’ Maltija.
David Goyer, il-Produttur Eżekuttiv semma kif il-produzzjoni żiedet il-ġranet tal-ġbid tagħha f’pajjiżna u qal kif Malta toffri ħafna possibilitajiet għall-Produtturi tal-films. Goyer faħħar il-mod ta’ kif l-industrija tal-films f’Malta qed taħdem fiż-żmien il-pandemija, infatti qal li Malta huwa l-Pajjiż ideali għax-xeni ta’ din il-produzzjoni. David Goyer għalaq billi qal li l-esperjenza tiegħu f’Malta kienet waħda ta’ suċċess.