X’Inhu L-Futur Għall-Films Maħduma Minn Produtturi u Diretturi Maltin?
F’intervista mal-programm televiżiv Popolin, il-produtturi u diretturi Abigail Mallia u Mario Philip Azzopardi tkellmu dwar is-settur tal-films f’Malta u dwar l-industrija lokali ta’ produzzjonijiet awdjo-viżivi.
Abigail Malli tenniet li bħalissa ninsabu f’mument li huwa eċitanti għall-produtturi Maltin, hekk kif qegħdin fl-istadju fejn “għandha ssir il-qabża bejn li noħolqu prodotti għall-lokal u li nibdew noħolqu prodott għas-suq internazzjonali”. Intant, hija qalet li dan kollu jiddependi mill-ħidma li ssir mill-artisti u l-istituzzjonijiet sabiex jagħmlu din il-qabża realtà. Mallia qalet ukoll li mill-esperjenzi li kellha barra minn xtutna rrealizzat kemm il-produtturi Maltin huma perseveranti, hekk kif jirnexxielhom joħolqu xogħol ta’ livell għoli minkejja l-baġits baxxi. Hija qalet li barra minn Malta “jiskantaw kif nagħmlu dak li nagħmlu bil-baġit li għandna”.
Intant, Mario Philip Azzopardi saħaq li fis-settur tal-films li jinħadmu f’Malta minn produtturi barranin sejrin tajjeb ħafna, hekk kif anki fis-sitwazzjoni li qegħdin fiha nistgħu ngħidu li “għandna suċċess tajjeb ħafna”. Minkejja dan, fejn tidħol l-industrija lokali, jiġifieri films maħduma minn produtturi u diretturi lokali, huwa jħoss li “għad baqa’ ħafna xi jsir”.
Ara l-intervista ma’ dawn iż-żewġ personaġġi hawn taħt: