Xufier Ta’ Taxi Mixli Li Ħebb B’Martell Għal Żewġ Barranin
Christian Lawrence Desira ta’ 35 sena u li jaħdem bħala xufier ta’ taxi ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati li fil-bidu tas-sena attakka Rumen u Kolumbjan b’martell bil-ħsieb li joqtolhom jew iqiegħed ħajjithom fil-periklu.
Il-każ seħħ għall-ħabta tat-3.20 p.m. meta l-akkużat allegatament ħebb b’martell għal Alin Mircea Ladariu, Rumen ta’ 35 sena, u Luis Pierino Vargas Garcia, Kolumbjan ta’ 45 sena.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-ispettur Jonathan Cassar spjegat kif Desira rikkeb liż-żewġ irġiel minn Triq Wied l-Għomor f’San Ġiljan għall-ħabta tat-3.20 p.m. u ordnalhom biex jinżlu mill-karozza wara li ż-żewġt irġiel qalulu li t-triq li għaddew minnha ma togħġobhomx.
Kien hawnhekk li wieħed mill-irġiel allegatament għamel mossa li wasslet biex l-akkużat iħebb għalihom b’martell.
Il-pulizija qalet li r-Rumen kellu xi dmija u ittieħed għall-kura fl-isptar Mater Dei.
Il-Maġistrat Doreen Clark laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest b’garanzija personali ta’ tliet elef ewro u b’għadd ta’ kundizzjonijiet fosthom li ma jkellimx lill-vittmi u biex jiffirma l-għassa darbtejn fil-ġimgħa.