Bħal-lum 35 Sena Il-Papa Żar Lil Madre Tereża F’Kalkutta U Flimkien Taw X’Jieklu Lill-Morda

Fit-3 ta’ Frar tal-1986 il-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni kien żar lil Madre Tereża u d-dar ta’ refuġju li waqqfet hi f’Kalkutta għall-morda u dawk li jkunu qed imutu.
Meta l-pontifikal wasal fil-qalba tal-islums tal-Belt ta’ Kalkutta, Madre Tereża telgħet fil-Popemobile abjad u tbaxxiet sabiex tbus id il-Papa; il-Papa biesha lura fuq rasha.
Hija laqgħatu fid-dar li waqqfet fl-1950 imsejħa Nirmal Hriday għall-Qalb ta’ Ġesu. Din id-dar kienet tagħti kenn lil dawk li jkunu qed ibatu mill-kanċer, it-tuberkulożi jew nutrizzjoni ħażina minħabba l-faqar.
Matul iż-żjara tiegħu, il-Papa li kien viżibbilment imqanqal minn dak li ra, għen lis-sorijiet biex jitimgħu lill-morda.
Il-Missjoni ta’ Madre Tereża Missionaries of Charity illum tikkonsisti f’5167 soru f’139 pajjiż.