Binja Sempliċi F’Nofs Triq Traffikuża… Imma X’Għandha Speċjali?

 Binja Sempliċi F’Nofs Triq Traffikuża… Imma X’Għandha Speċjali?

Hija binja sempliċi f’nofs ta’ triq traffikuża li taqsam raħal ċkejken li jgħaqqad iċ-ċentru man-naħa ta’ fuq ta’ Malta. B’dan il-mod il-Knisja Parrokkjali ta’ Burmarrad hija simbolu ta’  dak li tfisser il-komunità parrokkjali tagħha li qed tiċċelebra l-ħamsin anniversarju mit-twaqqif tagħha.  Ħamsin sena fl-istorja ta’ pajjiż daqshekk għani b’wirt storiku u kulturali mhumiex wisq, anki jekk dawn l aħħar snin raw tibdil mgħaġġel li ttrasforma l-ħajja u l-ambjent ta’ madwarna. Iżda l-komunità ta’ Burmarrad qed tgħix din is-sena bi gratitudni għall-mixja li sawwritha f’dak li hi llum filwaqt li tħares ’il quddiem b’tama hija u tifhem aħjar l-identità tagħha bħala parroċċa.

Għall-Knisja Kattolika dak li jagħmel parroċċa huwa territorju ġeografiku li jiġbor fih ambjenti, realtajiet u nies differenti. Din id-diversità tidher ġmielha fil-parroċċa ta’ Burmarrad, li minkejja li ċkejkna fl-għadd tar-residenti, hija mifruxa fuq medda art imdaqqsa bejn Għajn Riħana u Erba’ Mwieżeb, bejn Wied Qannotta u s-Salina.

Għaliex Alla jħobb lill-bniedem, il-Knisja tfittex li tkun qrib ta’ kull persuna li tgħammar f’dan it-territorju biex taqsam l-hena u t-tama, in-niket u tħassib tagħha. Il-komunità għandha x-xorti sabiħa li l-missjoni tagħha hija mmarkata mill-esperjenza tal-laqgħa ta’ San Pawl fl-Oqsma ta’ Publiju (Atti 28). Il-poplu ta’ Burmarrad, li f’dak iż-żmien kien għadu ma’ ltaqax ma’ Ġesù, kien komunità b’qalb miftuħa li tilqa’. Mat-tħabbira ta’ Pawlu, imbagħad, missier Publiju fieq.

Illum, minbarra n-nies ta’ Burmarrad, huma bosta dawk li jżuru l-Knisja tal-Qalb bla tebgħa ta’ Marija biex jiċċelebraw il-quddiesa – mingħajr ma jkollhom diffikultà fejn jipparkjaw u sagramenti oħra, biex jgħixu r-rikonċiljazzjoni permezz ta’ qrar jew biex ifittxu li jisimgħu l-leħen ta’ Ġesù li jsejjaħ bl-għajnuna tal-fraternità tal-partijiet Franġiskani Konventwali.

B’popolazzjoni ta’ madwar 2,000 ruħ miġbura fi ftit inqas minn 500 familja il-parroċċa llum hija attiva fil-ħidma tax-xandir tal-Kelma ta’ Alla u fis-servizz lil kull bniedem. Il-komunità Franġiskana Konventwali ta’ żewġ patrijiet żgħażagħ tfittex li tmexxi l-parroċċa bi spirtu ta’ sempliċità u akkoljenza hi u tgħin fil-formazzjoni nisranija tat-tfal, żgħażagħ u familji filwaqt li  tippromovi attivitajiet li jressqu lin-nies flimkien. Fil-parroċċa wieħed isib gruppi attivi tal-abbatini, adolexxenti u żgħażagħ, Katekeżi u Lectio Divina, Leġjun ta’ Marija u dilettanti tal festa flimkien ma’ għadd ta’ persuni oħra li jgħinu f’dak kollu li jkun meħtieġ.

Għalhekk is-sejħa li tirċievi l-komunità parrokkjali ta’ Burmarrad f’dan l-anniversarju hija li tibqa’ tkun komunità li tilqa’ u dar ta’ fejqan għal kulħadd filwaqt li tkompli turi “ħlewwa li  ma bħalha” (Atti 28, 2) u hekk twassal l-imħabba tal-Mulej Ġesù li timla l-qalb tal-bniedem bil-ferħ tassew.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com