BOV Premier – Valletta jippruvaw iwaqqfu rekord negattiv ta’ 36 sena fil-partitissima tal-Ħadd illi ġej
PREVIEW – MD 19
Il-kowċ Portigiż u l-players ta’ Valletta żgur mhux moħħom fl-istatistika u x’ġara fis-snin tmenin, iżda rrankati u determinati biss li jiksbu l-ewwel rebħa tas-sena, jwaqqfu mixja negattiva u jinqalgħu mill-posizzjoni attwali antipatka fil-klassifika.
Iżda għal min iżomm l-istatistiċi, d-draw tal-Erbgħa 0-0 kontra Sliema Wanderers immarka t-tielet logħba konsekuttiva għall-Lilywhites li fiha naqsu li jsibu x-xibka.
Id-draw tal-Erbgħa filfatt segwa telfiet 0-3 kontra Ħamrun Spartans u 0-2 kontra Gżira United fil-jiem ta’ qabel.
Kurjuż il-fatt li l-aħħar darba qabel dawn il-ġimgħatejn li l-Beltin naqsu milli jsibu x-xibka avversarja fi tliet logħbiet konsekuttivi fil-Kampjonat kien lura fl-istaġun 1984/85 – 36 SENA ILU… dakinhar sekwenza ta’ draw 0-0 kontra Ħamrun Spartans, segwit minn telfa 2-0 kontra Rabta Ajax u telfa identika 2-0 ukoll kontra Żurrieq.
Kulħadd jiftakar speċjalment dawk li għandhom ftit eta’ kemm Rabat Ajax u Żurrieq kienu b’saħħithom u meqjusa bħala forza fis-snin tmenin.
Intant waqt li Valletta iridu jwaqqfu dan ir-rekord u l-mixja negattiva tagħhom, l-avversarji tagħhom il-Ħadd fis-2pm fil-partitissima ta’ tmiem il-ġimgħa minn MD19, Hibernians, żgur li għandhom ħsibijiet oħra.
Il-Pawlisti ukoll iridu l-punti b’saħħa biex iżommu ħajjin it-tamiet li jkomplu jisfidaw għar-rebħ tal-Kampjonat, f’partita li fiha ż-żewġ naħat mistennija jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibli, b’attrazzjoni akbar id-debutt tal-players ġodda, Gilmar Ribeiro fir-ritorn tiegħu ma’ Hibernians wara li ħalla lil Sliema Wanderers, għal Valletta opportunita biex jerġa jkollna togħma oħra ta’ x’joffru l-akkwisti l-ġodda tagħhom fl-aħħar jiem, Wellington De Oliveira u Lucas Campos Ribeiro.
Il-konfront dirett bejn Valletta u Hibernians fl-ewwel round kien intemm fi draw ta’ 1-1.
Intant fost logħbiet oħra fi programm interessanti fi tmiem il-ġimgħa mill-BOV Premier, dan Match Day 19 joffri ukoll l-ewwel dehra fuq il-pitch għar-rivali antiki Floriana u Sliema Wanderers wara ċaqliq tremend li kellhom fl-amministrazzjoni tagħhom fl-aħħar jiem.
Johann Said il-ġimgħa fid-9pm kontra Santa Lucia mistenni jinżel fuq il-bank maġenb il-kowċ John Buttigieg wara li b’mod uffiċjali sar magħruf li wara diversi snin reġa daħal fl-amministrazzjoni taċ-Champions renjanti.
Il-Greens jittamaw li jirritornaw lura għar-rebħ, fl-Ewwel Round Santa Lucia kienu rebħulhom 2-1, iż-żewġ naħat jerġħu jiltaqgħu nhar l-Erbgħa li ġej f’waħda minn diversi logħbiet fl-istess jum mill-Fażi tal-Aħħar 32 tal-FA Trophy.
Għal-logħba tal-ġimgħa, Floriana għandhom lil Brandon Paiber sospiż iżda jirritornaw it-tliet players, Alex Cini, Nicola Leone u Matias Garcia minn sospensjoni. Il-Luċjani se jkollhom jgħaddu mingħajr is-sospiż Victor Luiz Filho
Bħal Floriana, anke Sliema Wanderers għaddew minn ġimgħa diffiċli fl-amministrazzjoni wara r-riżenja issa uffiċjali tal-President Jeffrey Farrugia, l-għada (l-Ħamis) tkellmu ukoll il-players li b’ton miksur esprimew l-uġiegħ tagħhom għal mod kif ġew trattati fl-aħħar xhur.
Il-Wanderers jittamaw li jibdew paġna ġdida tal-anqas fuq il-pitch mis-Sibt fis-6pm meta jiltaqgħu kontra t-team tal-qiegħ Senglea Athletic.
Logħbiet oħra minn MD19 huma llum fil-5pm, Żejtun Corinthians kontra Birkirkara, dawn huma l-aktar żewġ timijiet fil-forma bħalissa fil-Kampjonat, Żejtun ilhom ħames partiti mingħajr telfa, saħansitra Birkirkara jittamaw li l-ġimgħa kontra ż-Żwieten jagħmluhom TNAX-IL PARTITA INFILA FIL-KAMPJONAT MINGĦAJR TELFA.
Birkirkara għandhom lil Cain Attard sospiż iżda mistenni jirritorna Roderick Briffa filwaqt li Żejtun se jkunu msaħħa bir-ritorn tad-difensur Brażiljan, Lucas Moreira.
Għadna ma semmejnix lil Ħamrun Spartans, il-leaders attwali tal-klassifika, l-Ħadd fis-6pm jiltaqgħu kontra Gudja United.
Fl-aħħar dehra tagħhom ma’ tim bħal Senglea Athletic li jiddefendi, l-Ispartans ftit impressjonaw f’rebħa ta’ 1-0, terġa Gudja United huwa tim insidjuż li mdorri jisraq punti lit-timijiet meqjusa kbar, kif għamlu regolarment fl-aħħar staġuni kontra Valletta, Floriana u timijiet oħra.
Għaldaqstant Ħamrun Spartans jistennew battikata oħra biex jiksbu t-tliet punti li jridu u li jkomplu jressquhom għar-rebħ tat-tmien titlu tagħhom fl-istorja, eżatt wara 30 sena.
Huma se jkollhom lil kulħadd għad-dispożizzjoni, inklużi l-coach Mark Buttigieg, lura fid-dug-out wara sospensjoni ta’ żewġ partiti, u l-istilla tat-tim Matthew Guillaumier li tilef ir-rebħa 1-0 kontra Senglea Athletic il-Ħadd illi għadda.