Bowling – Magħruf It-Tim Malti L-Ikkwalifika Għal Kampjonati Tal-Mediterran

 Bowling – Magħruf It-Tim Malti L-Ikkwalifika Għal Kampjonati Tal-Mediterran

Tim Malta se jkun rappreżentat fil-Kampjonati tal-Mediterran tal-Bowling li se jsiru f’Pariġi minn Kayden Lagana u Sue Abela flimkien ma’ Matthew Magro u Cynthia Frendo Duca li spiċċaw fl-ewwel u fit-tieni post fil-logħob ta’ kwalfikazzjoni li saru fit-tmiem il-ġimgħa.

Il-kompetizzjoni tal-irġiel spiċċat tkun taqtiegħa tajba bejn tlett żgħażagħ; Lagana’ ta ’13-il sena, Magro ta’ 19-il sena u Nicholas Muscat ta’ 16-il sena.

Magro beda tajjeb fl-ewwel tmien logħbiet b’medja notevoli ta’ 220 li inkludiet logħba kbira ta’ 268, u kompla fuq quddiem wara t-tieni sett ta’ tmien logħbiet fit-tieni ġurnata . Lagana mar mit-tielet post ghat-tieni post fit-tieni jum, b’xi logħbiet b’saħħithom, filwaqt li Muscat nieżel fis-sitt post fit-tieni jum wara li kien fit-tieni post wara l-ewwel tmien logħbiet.

It-tielet ġurnata rat lit-tlett żgħażagħ fl-aqwa tagħhom. Madankollu, Lagana kompla l-bidu tajjeb tiegħu fl-2021 b’sett b’saħħtu ta’ tmien logħbiet inkluż l-aħjar logħba personali tiegħu ta’ 277 kif ukoll oħra ta’ 253 biex irnexxielu jaqbeż lil Magro, iċ-ċampjin renjanti ta’ taħt it-23 sena bit-tmien pinnijiet biss. Muscat kellu wkoll żewġ logħbiet tajbin ħafna ta’ 256 u 257 f’dan is-sett.

L-edizzjoni tan-nisa rat liċ-ċampjin nazzjonali, Sue Abela, tmur fuq quddiem mill-bidu nett. Abela, li ħadet sehem fit-22 edizzjoni kollha tal-Kampjonati tal-Mediterran, temmet b’distakk komdu ta’ 366 pin quddiem Cynthia Frendo Duca li spiċċat fit-tieni post. Frendo Duca kienet spiċċat t-tieni jum fit-tielet post eżatt wara ċ-ċampjin ta’ taħt it-23 sena Sara Xuereb. L-aħħar ġurnata rat l-sfida tajba bejn Frendo Duca, Xuereb u Melissa Swift fejn Frendo Duca, b’logħba finali ta’ 211, spiċċat b’ 39 pin quddiem Swift li spiċċat fit-tielet post.

B’hekk Abela se tingħaqad ma’ Frendo Duca fis-sezzjoni tan-nisa u ż-żewġ adolexxenti Lagana u Magro li huma l-iżgħar żewġ plejers irġiel li qatt irrappreżentaw lil Malta f’dawn il-kampjonati prestiġjużi.

Dawn il-kwalifikazzjonijiet raw ukoll l-għażla finali tat-tim Malta għall-Kampjonati Ewropej taż-Żgħażagħ. It-tim tas-subien se jkun magħmul minn Lagana, Muscat, Dwayne Zahra u Chris Fenech filwaqt li t-tim tal-bniet se jkun kompost minn Ruslana Grima u Kathryn Fenech.

 

Ritratt: MTBA

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com