Kumpanija Maltija Tikseb Suċċess Bil-kummerċjalizzazzjoni Ta’ Teknoloġija Li Żviluppat Fil-qasam Tal-Akwakultura U F’Oqsma Marittimi  

 Kumpanija Maltija Tikseb Suċċess Bil-kummerċjalizzazzjoni Ta’ Teknoloġija Li Żviluppat Fil-qasam Tal-Akwakultura U F’Oqsma Marittimi   

Kumpanija Maltija żviluppat teknoloġija tagħha fil-qasam tal-akwakultura u llum din l-istess teknoloġija hi mifruxa mad-dinja kollha. Fost dawn l-innovazzjonijiet hemm l-iżvilupp ta’ sistemi tal-akwakultura għall-futur, Akwakultura 4.0 u teknoloġiji li jiffukaw fuq l-użu għal iktar minn għan wieħed tal-ispazji miftuħa tal-baħar u oħrajn li jieħdu ħsieb ukoll l-impatt tat-tibdil fil-klima.

Il-Ministru Owen Bonnici żar din il-kumpanija fiċ-ċentru tagħha fil-Mosta u qal li AquaBio Tech Group hi eżempju ċar li juri kif bis-saħħa tar-riċerka u tal-innovazzjoni wieħed jista’ mhux biss joħloq attività ekonomika importanti ħafna imma jinfluwenza għall-aħjar il-prattiċi u użi fuq livell internazzjonali.  Qal li l-Gvern irid jibni ekosistema robusta ta’ innovazzjoni sabiex iktar kumpaniji jkunu jistgħu jikkomerċjalizzaw ir-riċerka tagħhom f’diversi setturi ekonomiċi.

Dr Bonnici spjega li din il-kumpanija, li timpjega 85 ruħ, ingħatat €2.45 miljun f’fondi għar-riċerka mill-Unjoni Ewropea u kisbet rikonoxximenti lokali u internazzjonali. Waqt iż-żjara tiegħu, Dr Bonnici ġie muri x-xogħol li twettaq din il-kumpanija, mill-Kap Eżekuttiv Shane A. Hunter u mid-Direttur għall-Iżvilupp tal-Business George D. Mantas.

L-AquaBio Tech Group, li twaqqfet fl-1996, toffri servizzi teknoloġiċi ta’ livell dinji fil-qasam tal-akwakultura, sajd u proġetti f’ambjenti akwatiċi u servizzi ta’ konsulenzi u inġinerija fid-disinn, kostruzzjoni u t-tħaddim ta’ faċilitajiet ta’ akwakultura state-of-the-art. Fiċ-ċentru tagħha fil-Mosta, il-kumpanija tagħmel ukoll l-attivitajiet tagħha ta’ riċerka għal għadd ta’ kumpaniji internazzjonali fil-kamp tal-awkakultura f’laboratorji apposta.

Minbarra dan, il-kumpanija tagħmel diversi proġetti ta’ riċerka ffinanzjati minn programmi Ewropej u Maltin. B’kollox il-kumpanija għandha iktar minn 200 kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali fil-qasam tar-riċerka.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com