DAS BOOT: Is-Serjè Ġermaniża Li Qed Tiffilmja F’Malta Għat-Tielet Staġun Konsekuttiv

 DAS BOOT: Is-Serjè Ġermaniża Li Qed Tiffilmja F’Malta Għat-Tielet Staġun Konsekuttiv

Is-Serje Ġermaniża ‘Das Boot’ għażlet lil Malta bħala l-post għall ġbid tal-produzzjoni tagħha għat-tielet darba.

Das Boot iffilmja f’Malta iż-żewġ staġuni preċedenti tiegħu, u beda l-ewwel produzzjoni tiegħu fl-2018. Din is-sena, Das Boot żied il-jiem tal-produzzjoni tiegħu f’Malta minn 72 jum għal 120 jum. Il-produzzjoni qed tiffilmja f’numru ta’ postijiet madwar il-Gżejjer Maltin, fosthom il-Malta Film Studios, il-Forti Rikasoli, l-AFM barracks, il-Ġonna ta’ San Anton, il-Kalkara, il-Belt Valletta, l-Imdina, il-Marsa, Raħal Ġdid u l-Mellieħa. Il-produzzjoni ta’ Das Boot f’Malta tikkonsisti f’aktar minn 800 cast u extra.

Il-Kummissarju għall-Films f’ Malta Johann Grech qal li din il-produzzjoni nefqet €3 miljun fis-sena matul l-ewwel u t-tieni serje, u dis-sena qed tonfoq iktar minn €7 miljun biex tipproduċi t-tielet serje tagħha f’Malta.

Il-Kummissarju għall-Films f’Malta Johann Grech qal “Għalkemm din id-darba ma kinitx faċli minħabba l-COVID19, xorta rnexxielna nassiguraw li Das Boot jsir f’Malta għax dejjem konna pro-attivi fid-determinazzjoni tagħna. Das Boot hija t-tieni serje televiżiva kbira li qed tinġibed f’Malta din is-sena. It-tieni xahar, it-tieni produzzjoni.” Grech semma wkoll kif l-industrija lokali tal-films tagħna baqgħet taħdem u l-ambizzjoni tagħna hi li nbiddlu opportunitajiet ta’ xogħol okkażjonali f’karrieri.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Ħarsien tal-Konsumatur Clayton Bartolo qal li l-Gvern ta’ Malta qed iqiegħed il-pedamenti u s-sisien meħtieġa biex il-Malta Film Studios ikunu mgħammra bl-ewwel soundstages f’Malta, u jagħmluha aktar attraenti għal dawk li jaħdmu l-films. Il-Ministru laqa’ t-tim tal-produzzjoni ta’ Das Boot u esprima li dan huwa eżempju ċar ta’ kif Malta qed tkun reżiljenti anke matul dawn iż-żminijiet ibsin. Il-Ministru kkonkluda li Malta estendiet l-inċentiv finanzjarju tagħha tal-‘cash-rebate’ għas-snin li ġejjin, u kkonfermat l-impenn ta’ Malta għall-produtturi tal-films.

Il-Produttur Eżekuttiv ta’ Das Boot, Moritz Polter irringrazzja lill-Malta Film Commission taħt l-amministrazzjoni ta’ Johann Grech għall-impenn u l-appoġġ tagħhom biex din il-produzzjoni ssir f’Malta. Polter qal li jħossu kburi li Das Boot qed jiffilmja għat-tielet darba f’Malta u qed jistenna bil-ħerqa li jiffilmja r-raba ’staġun fil-gżejjer tagħna. Moritz Polter għamel referenza għall-proġett tas-soundstages u semma li Malta se tkun offerta aktar attraenti għal dawk li jagħmlu l-films.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com