L-Ewwel Training Stage tal-Futsal man-Nazzjonal Għal Tfal Taħt is-Sittax-il sena

 L-Ewwel Training Stage tal-Futsal man-Nazzjonal Għal Tfal Taħt is-Sittax-il sena

Il-Futsal f’Malta qed ikompli jimraħ, jekk għalissa mhux fir-riżultati, l-isforz kollettiv minn dawk kollha nvoluti qed iwassal għal taħriġ kontinwu għall-iskwadra tal-kbar biex dejjem tkun lesta għal impenji nternazzjonali, possibilment  it-tama u l-pandemija jippermettu qabel dan is-sajf u bi preparazzjoni għall-Grupp ta’ Kwalifikazzjoni li jmiss minn April tas-sena d-dieħla, 2022 ‘l quddiem.

L-aħħar training stage għat-Tim Nazzjonali kien fl-aħħar ta’ Jannar li għadda, li jmiss ftit ġimgħat oħra f’Marzu.

Sadanittant il-ġimgħa d-dieħla, l-ewwel opportunita għal subien/żgħażagħ ta’ ħmistax-il sena li jxamru l-kmiem minn eta’ daqshekk żgħira u juru li verament għandhom potenzjal u determinati jieħdu dan l-isport mill-isbaħ f’livelli għola, bħala karriera u mhux passatemp.

Id-Dipartiment tal-Futsal fi ħdan l-MFA mmexxi mill-Viċi President l-avukat Matthew Paris u d-Direttur Mark Marlow se jorganizza dan l-ewwel training stage għal dawn iż-żgħażagħ wara li l-kowċ Nazzjonali Zeljko Anicic u l-istaff tiegħu kellhom issa ħin biżżejjed biex jaraw lil dawn it-tfal itejbu l-livelli u l-kwalitajiet tagħhom fl-ewwel edizzjoni, ntrodott minn dan l-istaġun tal-Kampjonat tal-Futsal ta’ taħt is-Sittax il-sena.

Kampjonat li sejjer tajjeb ħafna, laħaq l-aspettativi, bi standards għolja ferm fejn tidħol kwalita u dejjem jimxi mal-protokolli rigorużi marbuta mal-pandemija tal-COVID-19.

Bħalissa fil-klassifika ta’ dan il-Kampjonat, Pieta Hotspurs jinsabu fuq quddiem u jiddominaw b’sittax-il punt, warajhom Sliema Wandererers, sitt punti anqas iżda b’logħba x’jirkupraw.

Glenn Gauci ta’ Naxxar Lions attwalment qiegħed fuq quddiem fil-lista tal-Aqwa Skorers, b’total ta’ 12-il goal, warajh Ivin Gatt ta’ Pieta’ Hotspurs, goal biss anqas minnu.

Lura għat-Training stage għal dawn is-subien, kollox jibda bi swab test li jippermettilhom jidħlu f’bubble nhar it-Tnejn, l-istage propja jibda nhar it-Tlieta 23 ta’ Frar fl-iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke.

L-iskwadra msejħa hija din hawn taħt :- 

Miguel CURMI (Balzan), Jordan CAMILLERI (Balzan), Karadol KUBILAY (Balzan), Shiraz ATTARD  (Floriana), Anis LOUATI
(Mellieħa), Etienne Andriy VELLA Gk (Mellieħa), Beppe DEBONO (Swieqi), David Nathan BALZAN (Pieta), Ivin GATT (Pieta), Deyan PACE (Pieta), Jake HUBER Gk (Pieta), Kieran DEBONO (Mtarfa Dingli), Collin SAMMUT (San Ġwann), 
Matthias FENECH (San Ġwann), Jean Cole ATTARD (Naxxar), Matthias BORG Gk (Naxxar), Glen GAUCI (Naxxar), Aaron STAGNO (Sliema), Zack CALLEJA (Sliema), Zeon MONTANARO Gk (Swieqi Futsal).

RITRATT – Joe Borg – MaltaFA.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com