Efimova Ma Tridx Tiġi Tixhed Fil-Qorti Iżda L-Midja Tal-PN Jriduha Tixhed Bl-Internet
Il-midja tal-Partit Nazzjonalsita permezz tal-Avukat Joseph Zammit Maempel, dalgħodu informat lill-Qorti li kienet qed titlob li r-Russa Maria Efimova tagħti x-xhieda tagħha peremzz ta’ video conferencing f’kawża ta’ libell li fetaħ l-ex Prim Minsitru Joseph Muscat.
Il-kawża ta’ libell infetħet kontra Matthew Caruana Galiia dwar post fuq Facebook u kontra Mario Frendo u Karl Gouder bħala ġurnalist u editur ta’ NET TV rispettivament dwar rapporti li xxandru fl-aħbarijiet ta’ dan l-istazzjon dwar Egrant u invenzjonijiet oħra.
Fis-seduta ta’ dalgħodu, l-Avukat Pawlu Lia, li kien qiegħed jirrapreżenta lil Dr Muscat qal li huwa jrid li Efimova tiġi tixhed. Qal li l-Qorti ma tistax tħalli li tingħata din ix-xhieda b’mod remot qisu ma ġara xejn meta se tixhed dwar l-istess każ fejn Maġistrat iddeċieda li għandha tittella’ l-Qorti fuq ġurament falz.
“Dan mhux każ fejn ix-xhud ma tistax tiġi tixhed il-Qorti iżda ma tridx tiġi tixhed,” qal Dr Lia waqt li sostna li Efimova ma tistax tingħata opportunita li terġa’ tirrepeti l-kalunji li vvintat bla kontroll ta’ xejn. Tenna li għalhekk għandha tiġi Malta u tmur tixhed fiżikament il-Qorti.
Madankollu l-avukat tal-mezzi tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista baqa’ jinsisti fuq it-talba tiegħu u issa l-Qorti qed tistenna li jsiru rikorsi biex tiddeċiedi.
Intant fis-seduta ta’ dalgħodu, l-ex Prim Minsitru Muscat xehed li l-gidba Egrant kienet attentat ta’ assassinju tal-karattru tal-familja tiegħu li d-dannu tagħha huwa irreparabbli.
Qal li l-gidba Egrant kienet invenzjoni mill-bidu sal-aħħar ibbażata fuq dokumenti foloz b’firem foloz. Sostna li l-konklużjoni tal-Inkjesta Maġisterjali li fiha xehdu mijiet ta’ persuni u esperti internazzjonali tal-kaligrafija, ma tħalli lok għal ebda dubju u talbet lill-pulizija biex jieħdu passi kriminali kontra żewġ persuni.
Dr Muscat qal li dawk li ssejħu bħala fatti li jolqtu lilu fil-post fuq Facebook imtellgħa mis-Sur Caruana Galizia huma kollha foloz. Ċaħad li huwa għandu xi kumpanija onshore jew offshore f’Malta jew barra, kif ċaħad li għandu assi jew kontijiet barra l-pajjiż. “Ma jeżistux provi dwar dawn l-affarijiet għaliex ma jeżistix il-fatt”, qal Dr Muscat.
Irrimarka li saret inkjesta Maġisterjali oħra li tirrigwardja numru ta’ allegazzjonijiet simili għal dak li intqal fil-post tas-sur Caruana Galizia, fuq persuna oħra mhux fuqu. Minkejja li l-konklużjonijiet tal-inkjesta ma ġewx ippublikati, Dr Muscat qal li huwa ċar li hu ma ġie implikat bl-ebda mod f’dawn l-allegazzjonijiet, għaliex il-Maġistrat inkwerenti qatt ma bagħtet għalih kif qatt ma bagħtu għalih ebda awtorita oħra.
Dwar ir-rapport li xxandar fl-aħbarijiet ta’ Net TV miktub minn Mario Frendo dwar il-post ta’ Matthew Caruana Galizia, Dr Muscat xehed li dan saħansitra mar lil hinn minn dak li kien hemm fuq facebook.
Innota li Net TV qal li ġew ippublikati provi meta assolutament ma kienu ġew ippublikati l-ebda provi. Qal li anki l-mod kif kien ippubblikat ir-ritratt tiegħu mar-rapport, kien maħsub biex iħalli konnotazzjoni psikoloġika negattiva. “Anki fil-heading tal-artiklu intqal li kien instab xi ħaga ġdida, meta ma nstab xejn ġdid għaliex ma seta’ jkun hemm xejn”, qal Muscat.
Il-libell fil-konfront ta’ Karl Gouder bħala editur ta’ NET TV, huwa dwar rapport li allega li l-familja Muscat għandha kumpanija sigrieta li fiha rċeviet ammonti kbar ta’ flus mingħand it-tifla tal-President tal-Azerbaijan.
Dr Muscat qal li dan kien rapport ibbażat fuq invenzjonijiet totalment foloz, kif irriżulta mill-inkjesta Maġisterjali dwar il-gidba Egrant.
Żied li r-rapport ta’ NET TV jikkonferma li kien hemm azzjoni kkonċentrata, bil-mezzi tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista jkunu jafu x’se jiġri minn qabel.
Dr Muscat qal li tant dan huwa minnu li NET TV kien armat mill-ewwel bil-cameras u ġrew wara l-mara tiegħu u wliedu biex mill-ewwel jorbtu l-kumpanija Egrant magħha.