Elezzjoni F’Diċembru Li Ġej Fil-Libja

 Elezzjoni F’Diċembru Li Ġej Fil-Libja

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo kellu telefonata nhar il-Ħadd filgħaxija ma’ Jan Kubis, il-Kap tal-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja.

Huma tkellmu dwar il-ħidma li trid issir mill-membri parlamentari Libjani biex il-Libja jkollha gvern li jieħu lill-pajjiż għall-elezzjoni fl-24 ta’ Diċembru 2021.

Qablu kemm hu importanti li l-Libjani jieħdu d-destin ta’ pajjiżhom lura f’idejhom biex ikollhom pajjiż magħqud u l-ġid tal-pajjiż igawdi minnu l-poplu Libjan kollu.

Iż-żewġ naħat appellaw lill-membri parlamentari Libjani biex jiltaqgħu f’seduta parlamentari u fi spirtu ta’ għaqda nazzjonali jagħtu vot ta’ fiduċja lill-gvern li se jinħatar biex iwassal lil-Libja sal-elezzjoni fl-aħħar ta’ din is-sena.

Il-Ministru Bartolo qal li messaġġ ewlieni li jħobb jgħaddi lill-politiċi Libjani hu li hemm bżonn jingħaqdu biex l-għedewwa tal-bieraħ fi gwerra ma’ xulxin isiru sħab xulxin f’Libja fil-paċi, u li jaħdmu għall-ġid tal-poplu Libjan li tant għadu qed ibati fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum.

Ritratt: Andalou Agency

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com