FA Cup – Spettaklu u disa’ goals f’Goodison Park 5-4 għal Everton.. Tottenham eliminati.. Atalanta fil-finali tal-Coppa Italia

 FA Cup – Spettaklu u disa’ goals f’Goodison Park 5-4 għal Everton.. Tottenham eliminati.. Atalanta fil-finali tal-Coppa Italia

FA Cup

Spettaklu u disa’ goals fl-isbaħ partita sa issa fl-FA Cup dan l-istaġun, wara l-ħin barrani fi dwell dirett bejn zewġ potenzi fil-futbol Ingliz, Everton għelbu lil Tottenham 5-4.

Logħba mill-isbaħ li tħallik bla nifs, Spurs fil-vantaġġ kmieni minn Davinson Sanchez (3), izda segwew tliet goals mingħajr risposta f’seba’ minuti għat-Toffees minn Dominic Calvert-Lewin (36), Richarlison (38) u penalty tal-Izlandiz Gylfi Sigurdsson (43), kien għad fadal sal-intervall ħin għal goal ieħor u Erik Lamela (45) reġa daħħal lil Tottenham fil-partita 3-2 sal-mistrieħ.

Ftuħ tat-tieni ħamsa u erbgħin minuta u Jose Mourinho reġa ħa r-ruħ hekk kif qabel is-siegħa logħob waslet doppjetta ferm rari għal Davinson Sanchez (57) li għamel l-iskor 3-3.

Doppjetta ukoll għal Richarlison (68) bir-raba’ goal għal Everton, izda Harry Kane (83) għamel l-iskor 4-4.

Morna għal-ħin barrani fejn f’din in-nofs siegħa assistejna għal goal ieħor, dak l-aktar importanti li ta r-rebħa f’partita stupenda, ‘eye-catcher’ mill-aqwa lit-tim minn Liverpool immexxi mill-bravu manager Carlo Ancelotti, kien is-sostitut Braziljan Bernard (97), li b’konkluzjoni djagonali fir-rokna tax-xibka għamel l-iskor finali wara l-ħin barrani, Everton 5-4 Tottenham Hotspur.

F’logħbiet oħra, formalita għal Manchester City li marru Wales u għelbu lil Swansea City 3-1, Kyle Walker, Raheem Sterling u Gabriel Jesus bil-goals għas-City.

Goal ta’ Kelechi Iheanacho fl-94 minuta kien id-differenza favur Leicester City f’darhom fil-Kings Power Stadium f’rebħa 1-0 fuq Brighton, rebħa identika ukoll home għal Sheffield United 1-0 fi Bramall Lane kontra Bristol City miċ-Championship, iddeċieda Billy Sharp mil-ħdax-il metru f’nofs it-tieni taqsima, biex Everton, Manchester City, Leicester City u Sheffield United ingħaqdu ma’ Bournemouth u Manchester United fil-Kwarti Finali tal-FA Cup.

Il-Ħamis zewġ partiti oħra, Wolves jilqgħu f’Molineux lil Southampton, Chelsea jitilgħu Yorkshire, ezattament f’Oakwell, biex jilgħabu kontra Barnsley miċ-Championship.

Coppa Italia

Se tkun bejn Atalanta u Juventus il-finali dan l-istaġun.

L-Erbgħa b’wirja kbira f’Bergamo, Atalanta għelbu lil Napoli 3-1 għall-istess aggregate skor.

Fil-Gewiss Stadium, la Dea zblukkaw il-logħba, fetħu l-iskor fl-għaxar minuta minn Duvan Zapata, għaddew sitt minuti u Matteo Pessina irdoppja fis-16-il minuta.

Partenopei lura fil-logħba fil-ftuħ tat-tieni taqdsima minn Hirving Lozano, izda lejn it-tmiem wasal is-siġill, it-tielet goal għat-tim b’saħħtu minn Bergamo u d-doppjetta personali għal Matteo Pessina, biex Atalanta rebħu 3-1 u reġgħu raw id-dawl fit-tarf tal-mina wara perjodu riċenti xi ftit inċert, b’telfa 3-1 kontra Lazio u draw 3-3 ma’ Torino d-darbtejn f’darhom fl-aħħar zewġ ħarġiet tagħhom qabel l-Erbgħa filgħaxija.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com