Filmat: M’Għandhomx Tfal U Illum Qed Jirrakkuntaw L-Esperjenza Tagħhom Sabiex Jgħinu Koppji Oħra

 Filmat: M’Għandhomx Tfal U Illum Qed Jirrakkuntaw L-Esperjenza Tagħhom Sabiex Jgħinu Koppji Oħra

Miriam u Michael: koppja ħelwa li f’sekonda juruk l-imħabba ġenwina li għandhom għal xulxin. Miriam għalliema u Michael tabib. Permezz tal-paġna ta’ Facebook ‘FEJN HU ĦUK? Paroċċa San Ġorġ’ huma rrakkuntaw l-esperjenza tagħhom tal-infertilità.

Il-koppja rrakuntat li għall-ewwel għaddiet minn perjodu ta’ denial, iżda mbagħad ntebħu li verament kien hemm problema u bdew jippruvaw mezzi li setgħu jgħinuhom sabiex ikollhom tarbija, bħall-IVF.

Michael jirrakonta kif bħala tabib kien iħoss responsabbiltà doppja hekk kif l-idea ġenerali tal-ħbieb u l-familjari kienet li għax huwa tabib mela “jaf x’għandu jagħmel” sabiex isolvi din il-problema. Din il-perċezzjoni mliet lil Michael b’aktar stress hekk kif l-aspettattivi ta’ x’seta’ jagħmel hu kienu għolja żżejjed.

Intant, Miriam bħala għalliema sabet ħafna diffikultà għall-fatt li xogħolha jinvolvi li kuljum taffaċċja mijiet ta’ ommijiet u tfal, filwaqt li Michael kien iwelled tfal ta’ ħaddieħor u jara proċessi tal-IVF jirnexxu, filwaqt li hu ma setax ikollu esperjenza simili.

“Jien l-unika tabib l-isptar li m’għandix tfal […] awtomatikament ħafna minnhom jitkellmu dwar kif sejrin it-tfal fl-iskola. […] Inti awtomatikament tħossok barrani”, spejga Michael. Miriam ukoll għaddiet minn diversi mumenti ta’ wġiegħ u qalet hekk: “I used to pull myself together biex noħroġ il-barra ħalli nderri u hekk, pero’ niftakar eżempji ċari, eżempju kont immur shopping, jogħġbuni ħafna l-ħwejjeġ, imqar li nisma’ ħoss ta’ tarbija fil-ħanut kont noħroġ niġri ‘l barra, and this took me years […] tħossok barrani.”

Wara li ppruvaw l-IVF darbtejn mingħajr suċċess u wara ħafna snin ta’ uġiegħ, illum Michael u Miriam jinsabu ħafna aħjar u jridu jgħinu lill-ħaddieħor.

Miriam tgħid li minkejja li ġieli rċeviet mistoqijiet jew kummenti skomdi, hija tħoss li l-intenzzjonijiet dejjem kienu tajba u mhux b’kattiverija.

Illum Miriam tirringrazzja ‘l Alla għax-xogħol tagħha ta’ għalliema għax jagħtiha tfal f’ħajjitha li jsiru qishom uliedha għal sena skolastika sħiħa u jibqgħu viċin tagħha anki wara.

Miriam u Michael għalqu l-intervista b’appell għall-koppji li għaddejin minn esperjenza simili għal tagħhom: “Din il-ħaġa kapaċi tkun ta’ theddida għar-relazzjoni. Tista’ jew tkissrek jew issaħħek ħafna. […] L-imħabba ta’ bejn il-koppja trid titpoġġa l-ewwel u qabel kollox.”

Ara l-intervista sħiħa ma’ Miriam u Michael hawn:

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com