Għawm – Nhar Is-Sibt Isiru R-Raba Time Trials

 Għawm – Nhar Is-Sibt Isiru R-Raba Time Trials

L-Assoċjazzjoni tal-Isport Akwatiku ta’ Malta (ASA) se torganizza r-raba sezzjoni ta’ Time Trials għall-istaġun 2020/2021 nhar is-Sibt 13 ta’ Frar. It-tlielaq se jsiru fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq mill-għaxra ta’filgħodu l-quddiem.

It-tielet sezzjoni ta’ dawn il-provi seħħew f’Jannar fejn 174 għawwiem ir-rappreżentaw seba klabbs li huma Aqua Academy Exiles, Aquahub, Inspire Swimming Club, Marsaskala Sports Club, San Gilljan SW Elite, Sirens ASC u Sliema ASC. Sliema ASC kellhom l-ogħla rappreżentanza ta’ atleti u bħalissa jinsabu fil-quċċata tal-klassifika tat-timijiet.

Għalkemm ma nkisru l-ebda rekords f’dan l-avveniment, l-aqwa tliet prestazzjonijiet maskili ġew irreġistrati minn Dylan Cachia (Sliema ASC) fit-800m freestyle, sieħbu tat-tim Simon Mallia fil-50m Butterfly u l-għawwiem tas-Sirens ASC Mikhail Umnov fil-50m Butterfly. Fil-kategorija tan-Nisa, kienet rappreżentazzjoni kollha tas-Sirens ASC b’Nicola Muscat tmexxi l-klassifika fil-50m freestyle. Hija kienet segwita minn Amy Micallef u Leah Tanti li t-tnejn li huma marru tajjeb fil-50m Breaststroke.

L-ASA qed tistenna parteċipazzjoni tajba għall-avveniment tas-Sibt li se tkun trasmessa b’mod dirett fuq il-paġna ta’ facebook tal-assoċjazzjoni sa minn kwarta qabel il-bidu uffiċjali.

 

Ritratt: Abby Bonello

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com