Il-Futbol Jerġa Katalista Għat-Turiżmu Sportiv f’Malta

 Il-Futbol Jerġa Katalista Għat-Turiżmu Sportiv f’Malta

Wara s-suċċess f’Jannar bit-TipSport Malta Cup 2021 b’timijiet mir-Repubblika Ċeka, s-Slovakkja u l-Awstrija, ammont ta’ ġurnalisti u promozzjoni qawwi għal Malta nternazzjonalment, issa jmiss il-VisitMalta Women’s Tournament bejn it-18 u t-23 ta’ Frar.

Tournament internazzjonali bil-parteċiipazzjoni tat-Tim Malti tan-Nisa, l-Awstrija, s-Slovakkja u l-aqwa ħames tim fid-dinja skont ir-rankings preżenti, l-Iżvezja.

It-2021 VisitMalta Women’s International Tournament qed jiġi organizzat mill-entita kummerċjali fi ħdan il-Malta Football Association, l-MFA SportsPlus Limited, dettalji ngħataw it-Tnejn filgħodu waqt konferenza stampa.

It-tournament jibda l-Ħamis 18 ta’ Frar meta t-Tim Malti li tela fil-85 post tar-rankings jilgħab kontra s-Slovakkja, attwalment fil-45 post.

L-għada, l-Awstrija jiltaqgħu kontra l-Iżvezja qabel iż-żewġ logħbiet finali fi-23 ta’ Frar meta Malta tilgħab kontra l-qawwa tal-Iżvezja, l-Awstrija taffaċja lill-ġirien Slovakkja.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ MFA SportsPlus Limited Ivan Vella qal li l-MaltaFA tinsab kontinwament impenjata biex tkabbar il-profil u tagħti viżibilta aħjar lit-Tim Malti tan-Nisa fix-xena nternazzjonali, anke konformi mal-istrateġija li l-MFA se tkun qed tniedi dalwaqt.

“Dan l-avveniment huwa xhieda tal-impenn u l-objettiv ta’ MFA SportsPlus Limited li tattira timijiet barranin jiġu Malta għal perjodi ta’ taħriġ”, kompla Vella.

Helmut Amhof meqjus bħala l-mutur fl-operat ta’ MFA SportsPlus Limited qal li biex torganizza tournament bħal dan f’dawn iż-żminijiet diffiċli huwa ta’ sfida għal kulħadd, “Avveniment bħal dan ifisser il-wasla ta’ ħafna nies lejn pajjiżna, madankollu irrid inserraħ ras kulħadd li se nkunu qed nieħdu l-miżuri u nimxu mal-protokolli kollha marbuta mas-Saħħa Pubblika”, tenna Amhof.

Żied jgħid, “Ringrazzjament kbir lis-sieħba kollha biex nistgħu norganizzaw avveniment ta’ dan il-kobor fosthom VisitMalta u l-Awtorita Maltija għat-Turiżmu, għamilna ukoll ftehim mal-PBS li se jippermetti biex il-logħbiet kollha jixxandru fl-erba’ pajjiżi rappreżentati f’dan it-tornew”.

Id-Deputat Kap Eżekuttiv tal-MTA Carlo Micallef stqarr li huwa ta’ unur għal VisitMalta li se torganizza tornew ta’ dan il-livell, “Avvenimenti bħal dan mhux biss tgawdi minnu l-ekonomija tal-pajjiż, iżda jiġġenera nteress u pubbliċita qawwija fl-istampa nternazzjonali”, ddikjara Micallef.

Il-Kowċ tat-Tim Malti tan-Nisa Mark Gatt qal li din hija ħolma għal dawn it-tfajliet li jilgħabu kontra avversarji ta’ livell u teknika kbira fix-xena tal-Futbol Femminili.

Gatt qal. “Dan it-tournament anke jirrifletti l-ħidma li għaddejja mill-Assoċjazzjoni fejn jidħol Futbol tan-Nisa, liema mpenn bla dubju qed iħalli l-frott b’timijiet ta’ ċertu kalibru jiġu jilgħabu f’Malta, mil-lat tekniku, apparti l-esperjenza dawn il-logħbiet għalina se jservu bħala preparazzjoni għal-logħob ta’ Kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja li se jibdew dalwaqt”, temm jgħid Mark Gatt.

FIXTURES
18 ta’ Frar, 2021 – 15:00 – Malta vs Slovakkja
19 ta’ Frar, 2021 15.00 – Awstrija v Żvezja 
23 ta’ Frar, 2021 14:30 – Malta vs Żvezja, 18:30 – Awstrija v Slovakkja 
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com