Il-Gvern B’Sejħa Pubblika Għall-Ħatra Ta’ Erba’ Mħallfin Ġodda – Se Jkollna 24 Imħallef U 25 Maġistrat.
Fi stqarrija, il-Gvern ta’ Malta jħabbar li għada l-Ġimgħa, 12 ta’ Frar 2021, fil-Gazzetta tal-Gvern se tiġi ppubblikata sejħa għall-applikazzjonijiet miftuħa għal persuni li għandhom il-kwalifiki meħtieġa sabiex jinħatru għall-kariga ta’ mħallef.
Is-sejħa pubblika hi miftuħa għall-ħatra ta’ erba’ mħallfin ġodda.
Intqal li din hija waħda mir-riformi Kostituzzjonali ewlenin li twettqu fl-aħħar sena kienet tinkludi r-riforma fil-metodu tal-ħatra ta’ mħallfin u maġistrati ġodda.
L-istqarrija tgħid li għall-ewwel darba fl-istorja, il-proċess ta’ ħatra ta’ ġudikanti ġodda se jkun wieħed indipendenti mill-Eżekuttiv tal-Gvern u se jitmexxa b’mod trasparenti mill-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura, presedut mill-Prim Imħallef. Dan il-Kumitat għandu mbagħad jiskrutinja l-applikanti u jissuġġerixxi lista tal-aktar kandidati idoneji lill-President tar-Repubblika biex b’hekk jiddeċiedi hu min minnhom għandhom ikunu maħtura bħala l-imħallfin u l-maġistrati ġodda.
Minħabba l-fatt li hemm possibbiltà li maġistrati attwali japplikaw għal ħatra ta’ mħallef, kif appena jintemm ir-reklutaġġ ta’ mħallfin ġodda, il-Gvern ta’ Malta se jkun qed joħroġ sejħa pubblika għall-ħatra ta’ maġistrati ġodda bl-għan aħħari jkun li jiżdiedu erba’ maġistrati ġodda man-numru attwali ta’ 21.
Bil-ħatra ta’ dawn l-imħallfin u maġistrati ġodda, fil-bank tal-ġudikatura, Malta se jkollha l-ikbar numru ta’ ġudikanti li qatt servew fl-istorja tal-Qrati tagħna.
B’hekk, issa minbarra l-Prim Imħallef, pajjiżna se jkollu 24 imħallef u 25 maġistrat.
Ritratt: justice.gov.mt