“Il-Logħba Tal-Pulizija Li Taparsi Tarresta U Teħles Lil Keith Schembri U Konrad Mizzi Trid Tieqaf” – Karol Aquilina

 “Il-Logħba Tal-Pulizija Li Taparsi Tarresta U Teħles Lil Keith Schembri U Konrad Mizzi Trid Tieqaf” – Karol Aquilina

Id-deputat Nazzjonalista u Kelliem għall-Ġustizzja Karol Aquilina sejjaħ l-investigazzjonijiet tal-Pulizija fil-konfront ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi bħala “logħba ta’  taparsi arrest u rilaxx li xebbgħet lill-poplu Malti”.

Meta kien qed jitkellem fil-Parlament, Aquilina qal li issa għadda ż-żmien tal-investigazzjonijiet u wassal iż-żmien li jittieħdu l-passi kontra min ‘ovvjament’ hu kompliċi fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Huwa qal li n-nies xebgħu jaraw lill-Pulizija jsejjaħ lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri, issaqsihom erba’  mistoqsijiet u tirrilaxxahom.

Karol Aquilina qal “trid tkun vera bla qalb biex ma tħossx li Keith Schembri hu kompliċi fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, trid tkun bla kuxjenza biex ma tagħrafx li Keith Schembri hu wieħed mill-mandanti tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, dan qed ngħidu jien mhux għax naf xi ħaġa iktar minn ħaddieħor għax insegwi dak li ħiereġ mill-Qorti.  Is-swaba kollha jippuntaw lejn dik id-direzzjoni iżda għandna parti mill-pajjiż li qed tinjora dak kollu. Ninkwieta li l-Awtoritajiet qed jinjoraw dan kollu,”.

Karol Aquilina żied jgħid li “issa li għaddew numru ta’ xhur bilfors li wieħed irid jistaqsi ‘l-Pulizija x’qed tagħmel?”.

“Dan it-taparsi arresti u rilaxxi ta’ nies irid jieqaf. Hemm limitu ta’ kemm jista’ jibqa għaddej. Ma jistax jkun li l-Pulizija tibqa’ tibgħat għal Keith Schembri ddaħħlu jieħu kafè issaqsih erba’  mistoqsijiet u tirrilaxxah.  Ma jistax jkun li l-Pulizija tibgħat għal Konrad Mizzi jmur b’żewġ avukati tiegħu jieħu kafè isaqsuh xi  mistoqsijiet u tirrilaxxah. Din hija logħba u għandna bżonn li ntemmuha din il-logħba” żied jgħid Karol Aquilina.

“Għadda żmien biżżejjed issa l-Pulizija bit-tmexxija ġdida tagħha tieħu l-passi li għandha tieħu. Il-Pulizija għandha obbligu li tispjega x’passi se tieħu fil-konfront ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi. Il-Poplu Malti u Għawdxi xeba’ jistenna lill-Pulizija. Il-Poplu Malti u Għawdxi xeba’ jistenna lill-Pulzija tieħu passi kontra min bl-ovvju hu involut fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Issa żmien li nsiru nafu l-verita’ kollha u nwettqu ġustizzja,” temm jgħid Aquilina.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com