Inawgurata Dar F’San Vinċenz De Paul Għal Persuni Li Jkollhom Bżonn Kura Fit-Tul

 Inawgurata Dar F’San Vinċenz De Paul Għal Persuni Li Jkollhom Bżonn Kura Fit-Tul

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia inawgura l-ftuħ ta’ Narċis, dar f’San Vinċenz de Paul li b’investiment ta’ €2 miljun ġiet rinovata f’binja modernizzata li tilqa’ fiha 16-il sodda. Dar li tipprovdi sistema ta’ kura fit-tul għal adulti dipendenti ħafna li jispiċċaw limitati u ristretti (bejn it-18 u d-59 sena) b’kumplessitajiet mediċi li bħalissa qed jgħixu f’ambjent ta’ kura inadegwat, u li għandhom bżonn appoġġ biex jiġu integrati mill-ġdid fil-komunità.

“Il-kunċett ta’ Narċis huwa li jerġa’ jagħti lura valuri ta’ kunfidenza, kwalità ta’ ħajja adegwata, ħajja indipendenti u rispett għad-dinjità tal-bniedem. Fil-prattika tagħha, huwa li tappoġġja aktar lill-klijenti u lill-familji tagħhom jew carers, partikolarment matul il-passaġġ tagħhom għall-integrazzjoni u l-inklużjoni. Huwa permezz ta’ din l-għajnuna li l-klijenti jistgħu jkunu f’pożizzjoni aħjar biex jibdew il-vjaġġ ta’ integrazzjoni tagħhom, jerġgħu jieħdu lura l-kunfidenza u jgħixu b’mod awtonomu fil-komunità,” qal il-Ministru Michael Farrugia.

Żied jgħid li ma kinitx tagħmel sens li f’sala waħda jkun hemm anzjani u persuni li jkollhom inqas minn 60 sena, u għalhekk sar xogħol biex fl-iqsar żmien possibbli, minkejja l-isfidi tal-pandemija, jitlesta dan il-proġett għaliex dawn il-persuni għall-kura fit-tul kien jixirqilhom aħjar.

Il-Kap Ezekuttiv ta’ San Vinċenz de Paul Josianne Cutajar qalet li dawn l-adulti li jispiċċaw f’realtà partikolari issa se jkollhom ambjent ferm isbaħ fejn jgħixu u servizzi indipendenti mir-residenza għall-anzjani fejn kienu qed jgħixu għal bosta snin.

Qalet ukoll li, “Dan il-post se joffri programm intensiv lil kull min se jgħix fih biex jilħaq l-ambizzjonijiet u l-ħolm tiegħu. Programm li se jmur oltre mit-terapija hekk kif joffri kunċetti innovattivi msejsa fuq relazzjoni b’saħħitha mal-qraba biex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jaqsmu esperjenzi terapewtiċi u rikreattivi ma’ dawk l-aktar għeżież għalihom.”

Filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema kollha li ħadmu biex din il-ħolma saret realtà, il-Ministru Michael Farrugia saħaq li l-viżjoni tiegħu hi li kemm f’San Vinċenz de Paul kif ukoll fid-djar tal-anzjani kollha ta’ Malta u Għawdex teċċella l-kura speċjalizzata fit-tul, is-servizzi personalizzati, it-teknoloġija għolja u l-prattiċi moderni.

“Viżjoni li tibda proprju bil-proġett tal-lum iżda b’aktar proġetti fil-pipeline fosthom aktar xogħol ta’ modernizzar fis-swali kollha ta’ San Vinċenż de Paul”, temm jgħid il-Ministru Michael Farrugia.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com