Is-Sibt il-kbira f’Ta Qali.. Birkirkara mhux megħluba fl-aħħar 12.. Spartans fl-aħħar 14.. min se jirbaħ?

 Is-Sibt il-kbira f’Ta Qali.. Birkirkara mhux megħluba fl-aħħar 12.. Spartans fl-aħħar 14.. min se jirbaħ?

RITRATT – Domenic Aquilina 

PREVIEW – MD 20

Birkirkara v Ħamrun S. – (Is-Sibt – National Stadium – 2.00pm)

Bla dubju, dan huwa l-aqwa konfront ta’ tmiem il-ġimgħa bejn żewġ ġirien li jinsabu fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika u li jkunu qed jimmiraw li jirreġistraw ir-raba’ rebħa konsekuttiva.

Inċidentalment, il-leaders Ħamrun Spartans ilhom ma jitilfu għal dawn l-aħħar 14-il partita u proprju l-aħħar telfa li sofrew waslet kontra Birkirkara bl-iskor ta’ 2-0, nhar l-20 ta’ Ottubru li għadda.

Għaldaqstant, jimmiraw li jwettqu tpattija sportiva biex filwaqt li ma jħallux lill-Istripes jiksbu double fuqhom, ikomplu jsaħħu l-ewwel post.

Iżda wara bidu inċert, Birkirkara tjiebu ferm u rebħa tkun tfisser li jnaqqsu d-distakk għal seba’ punti meta jonqoshom ukoll jirkupraw partita … u għaldaqstant teżisti possibiltá li d-differenza tista’ tkun biss ta’ erba’ punti.

F’kelma waħda rebħa Karkariża tarhom jitfgħu aktar pressjoni fuq Ħamrun, iddaħħalhom sew fit-taqtiegħa għar-rebħ tat-titlu, mill-banda l-oħra tliet punti għall-Ispartans tarhom jagħmlu pass ta’ ġgant lejn ir-rebħ tat-tmien Kampjonat u l-ewwel wieħed għalihom fi 30 sena.

Birkirkara se jkunu mingħajr il-pilastru fid-difiża Oscar Carniello li jinsab sospiż, iżda jirritorna Cain Attard minn sospensjoni. Il-Ħamruniżi m’għandhomx problemi ta’ players neqsin fi skwadra kbira u b’saħħitha li tarhom għal din il-logħba jinżlu bl-aqewa ħdax wara disa’ bidliet fir-rebħa f’Għawdex f’nofs il-ġimgħa, 3-1 fl-FA Trophy kontra Sannat Lions.

Hibernians v Mosta – (Is-Sibt – Hibernians Stadium – 2.00pm)

Hibernians jaffrontaw lil Mosta li ġejjin minn erba’ telfiet konsekuttivi biex minbarra li qatgħu kull kuntatt man-naħa ta’ fuq … teżisti l-biża li jistgħu jintlaħqu mill-grupp ta’ taħthom fit-taqtiegħa kontra r-relegazzjoni.

Il-Pawlisti jinżlu għal dan il-konfront b’moral għoli hekk kif ġejjin minn rebħa kbira ta’ 4-1 fuq Valletta u għaldaqstant jimmiraw li jkomplu fejn ħallew kontra l-Beltin … li jiksbu double fuq il-Mostin meta fl-ewwel round kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-2.

Iż-żewġ timijiet għandhom player kull wieħed sospiż – Gabriel Izquier Artiles għal Hibernians u Matias Muchardi għal Mosta.

U filwaqt li Ferdinando Apap jirritorna għal Hibernians, Mosta se jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ Tyrone Farrugia u Bojan Kaljevic.

Senglea A. v Floriana – (Is-Sibt – Hibernians Stadium – 6.00pm)

Dan huwa konfront li xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji ta’ Floriana hekk kif issa ilhom ma jirbħu għal dawn l-aħħar 10 partiti.

Id-diżappunt ta’ dan l-istaġun kompla jikber hekk kif f’nofs il-ġimgħa ġew umiljati bl-iskor ta’ 3-1 minn Sta Lucia biex sfaw eliminati mill-FA Trophy, minn dakinhar irriżenja l-kowċ John Buttigieg, biex Darren Vella ħa t-tmexxija fl-arja teknika, tal-anqas għal-logħbiet li ġejjin.

Greens jinsabu fir-raba’ post mill-aħħar li jfisser iż-żona l-ħamra u telfa kontra Senglea Athletic tkun tfisser katastrofí għall-kamp Furjaniż hekk kif huma se jilagħbu kontra team li jinsab fl-aħħar post u għadu qed ifittex l-ewwel rebħa. Għaldaqstant, il-pressjoni kollha tinsab kollha fuq Floriana.

Iż-żewġ timijiet m’għandhomx players sospiżi. Għal Floriana mistennija jirritornaw it-tliet players, Nicola Leone, Alex Cini u Brandon Diego Paiber.

Fl-ewwel round Floriana kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0.

Santa Lucia v Tarxien R. – (Is-Sibt – National Stadium – 6.00pm)

Dan huwa konfront bejn żewġ ġirien u rivali kbar b’fortuni differenti. Filwaqt li Santa Lucia jinsabu fis-seba’ post tal-klassifika, Tarxien Rainbows jinsabu fiż-żona tar-relegazzjoni bid-differenza tkun dik ta’ 11-il punt.

Il-Luċjani jimmiraw li jgħad-double wara li rebħu 2-0 fuq ir-Rainbows fl-ewwel round, rebħa għalihom tkun tfisser pass ieħor lejn kumdita u jinqatgħu mit-timijiet tan-naħa t’isfel tal-klassifika, Tarxien iżda mhux qed jarmu x-xugaman għalissa uu r-rebħa fuq Sirens fil-Kmapjonat il-ġimgħa li għaddiet, warajha rebħa komda fiq Qormi fl-FA Trophy taw tamiet ġodda lit-tim tal-kowċ Winston Muscat.

Iż-żewġ timijiet se jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli hekk kif għal Santa Lucia jirritornaw Rei Tachikawa u Victor Luiz Filho minn sospensjoni, filwaqt li r-Rainbows ikollhom lura lil Raphael Kooh Sohna.

Gżira U. v Lija A. – (Il-Ħadd – National Stadium – 2.00pm)

Friski mir-rebħ tal-protest kontra Gudja United u mill-goleada ta’ 8-0 kontra Mqabba fl-FA Trophy, Gżira United jibdew favoriti kontra Lija Athletic biex jibqgħu jisfidaw liż-żewġ timijiet ta’ fuqhom, Ħamrun Spartans u Hibernians, għar-rebħ tat-titlu.

Lija wkoll jinsabu fil-bżonn tal-punti fit-tentattiv li jkomplu jissieltu kontra r-relegazzjoni meta jinsabu fil-post ta’ qabel l-aħħar … u anke jpattu għat-telfa tal-ewwel round bl-iskor ta’ 3-0.

Lija madankollu fl-aħħar logħbiet tagħhom fil-Kampjonat raw ftit tad-dawl, għalkemm forsi tard wisq, b’żewġ rebħiet u draw mill-aħħar erba’ ħarġiet tagħhom.

Maroons b’moral għoli bħalissa iżda jridu joqgħodu b’seba’ għajnejn mingħajr erba’ players kollha sospiżi – Jackson Mendoza, Nikolai Muscat, Gabriel Bohrer Mentz u Ricardo Correa Duarte.

Min-naħa l-oħra, l-Athletics ikunu msaħħa bir-ritorn ta’ Clayton Giordimaina minn sospensjoni.

Sirens v Valletta – (Il-Ħadd – Centenary Stadium – 3.00pm)

Dan huwa konfront bilanċjat u miftuħ għal kull riżultat bejn żewġ timijiet li jridu jinqalgħu min-naħa t’isfel tal-klassifika.

Sirens jinsabu fit-tmien post … punt aktar minn Valletta … biż-żewġ timijiet ġejjin minn telfa … il-Pawlini 3-1 kontra Tarxien Rainbows u l-Beltin telfa ta’ 4-1 kontra Hibernians.

Għaldaqstant iż-żewġ timijiet joħorġu determinati għal rebħa minħabba li telfa tkun tfisser aktar inkwiet.

Valletta se jkun mingħajr is-sospiż Shaun Dimech iżda jista’ jirritorna minn injury Enmy Pena Beltre.

Min-naħa tagħhom Sirens m’għandhomx problemi ta’ players neqsin iżda jridu jtejbu l-wirjiet tagħhom kontra dan l-ostaklu diffiċli.

Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet spiċċaw fi draw ta’ 1-1.

Gudja U. v Sliema W. – (Il-Ħadd – Centenary Stadium – 7.00pm)

Dan huwa konfront delikat bejn żewġ timijiet li f’nofs il-ġimgħa sfaw eliminati mill-kompetizzjoni tal-FA Trophy.

Dan minbarra li Gudja United ġejjin minn telf ta’ punti fuq il-mejda, waqt li l-problemi amministrattivi ta’ Sliema Wanderers issa ġew esposti u qed jirriflettu fuq il-wirjiet tat-team, l-eliminazzjoni mill-FA Trophy għall-Wanderers kontra St.Andrews żgur li ħadd ma’ stennija.

Aktar minn hekk, huma jimmiraw li jpattu għad-diżappunt tat-telfa ta’ 2-1 fl-ewwel round kontra l-istess Gudja United.

Għall-Blues, John Mintoff jibqa’ barra hekk kif ikun qed jiskonta t-tielet u l-aħħar sospensjoni iżda mistenni jirritorna l-attakkant prolifiku Jean Paul Farrugia.

Min-naħa l-oħra, l-Gudjani se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi tas-sospiż Thomas Veronese.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com