It-Torri Tal-Arloġġ Fl-Imtarfa Lura Għall-Glorja Tiegħu

 It-Torri Tal-Arloġġ Fl-Imtarfa Lura Għall-Glorja Tiegħu

Il-Kunsill Lokali tal-Imtarfa bl-assistenza tal-MEUSAC kiseb madwar €463,000 mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali biex jirrestawra t-Torri tal-Arloġġ tal-lokalità u l-arloġġ innifsu u jibni Ċentru ta’ Interpretazzjoni faċċata tat-Torri. Dan sabiex jiġi stmat aktar il-valur storiku militari tal-Imtarfa u tat-Torri, flimkien mal-epoka li fiha nbena. L-investiment totali f’dan il- proġett ilaħħaq madwar €950,000.

Ir-restawr tat-Torri tal-Arloġġ kien jikkonsisti fi bdil ta’ dawl, tindif tal-ġebla, kalibrar tal-mekkaniżmu tal-arloġġ, xogħlijiet fuq il-ħsara fit-taraġ, u qtugħ tas-sadid fil-puġġaman u fit-taraġ li jwassal għall-bejt.

Il-Ministru Carmelo Abela stqarr kif dan il-proġett huwa eżempju ċar ta’ dan hekk kif il-Kunsill Lokali tal-Imtarfa akkwista fondi biex jippreserva binja importanti fil-lokal. Semma’ kif il-kunsilli lokali huma fost diversi entitajiet li bil-fondi Ewropej jistgħu jwettqu proġetti varji għall-ġid tal-komunità. Irrimarka li s-sena li għaddiet 21 kunsilli lokali kienu mgħejjuna mill-MEUSAC biex jissottomettu l-applikazzjoni għal finanzjament minn fondi Ewropej.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif, permezz ta’ fondi Ewropej, qed inkomplu nsaħħu l-prodott turistiku Malti. Huwa kompla jgħid li t-Torri tal-Arloġġ se jkun qed jattira turisti ta’ kwalità li jżuruh għall-istorja militari rikka li għandu u l-importanza kulturali tiegħu hekk kif jagħti ħarsa lejn il-ħajja tal-Maltin f’dawk iż-żminijiet.

“Din hija opportunità wkoll biex inroddu lura dan l-arloġġ għall-istat oriġinali tiegħu lin-nies tal-lokalità biex kulħadd ikun jista japprezza l-wirt kulturali li ħallewlna missirijietna,” ikkonkluda s-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi.

Is-Sindku tal-Imtarfa Daniel Attard qal li dan il-proġett huwa xempju ta’ kunsill li jsegwi l-ambizzjonijiet, u mhux il-limitazzjonijiet tiegħu fejn qal li dan hu proġett li jsaħħaħ l-identità u joħloq riġenerazzjoni ekonomika fil-lokal.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com