“Jgħarralu Jekk Hemm Xi Ħadd Li Jaħseb Li F’Dan Il-Pajjiż Jista’ Jgawdi Minn Xi Impunità.” – Il-Prim Ministru
Qed nippubblikaw l-istqarrija bil-kliem eżatti kif intqalu mill-Prim Ministru Robert Abela aktar kmieni llum.
Dan huwa każ ta’ natura sensittiva u ħsibna li huwa d-dmir tagħna li l-pubbliku jaqra eżatt x’intqal.
“Il-fatt li l-Pulizija kompliet tressaq aktar persuni l-Qorti b’rabta mal-każ tal-omiċidju tal-ġurnalista, is-Sinjura Daphne Caruana Galizia, ikompli jikkonferma kemm l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna ma straħux fil-ħidma tagħhom għat-tiftix tal-verità u biex issir ġustizzja.
Bħala Prim Ministru ninnota l-iżviluppi li seħħew fis-sigħat li għaddew meta żewġ persuni oħra tressqu l-Qorti akkużati b’kompliċità f’dan l-omiċidju.
Ir-responsabbiltà titlob kawtela fil-kummenti li nagħmel.
Hemm il-preżunzjoni tal-innoċenza, u l-proċeduri fil-qrati jridu jieħdu l-kors tagħhom.
Iżda rrid infakkar li b’rabta ma’ dan il-każ illum hemm akkużati l-allegat mandant tad-delitt, żewġ persuni li huma l-allegati eżekuturi tad-delitt, u issa żewġ persuni oħra li allegatament kienu kompliċi biex seta’ jseħħ dan id-delitt.
Hemm ukoll persuna li nhar it-Tlieta kienet ikkundannata għal priġunerija wara li ammettiet l-involviment tagħha f’dan il-każ. Dan ifisser li issa din il-persuna hija obbligata wkoll li tagħti x-xhieda tagħha f’dan il-każ.
Il-proċeduri quddiem il-qrati jridu jieħdu l-kors tagħhom. L-istess l-investigazzjonijiet.
Iżda, m’hemmx dubju li dak li seħħ din il-ġimgħa juri b’mod ċar li dan hu pajjiż fejn tirrenja s-saltna tad-dritt.
Jgħarralu jekk hemm xi ħadd li jaħseb li f’dan il-pajjiż jista’ jgawdi minn xi impunità.
Minflok, dak li ġara din il-ġimgħa jikkonferma li għandna istituzzjonijiet li huma b’saħħithom fil-ġlieda kontra l-kriminalità.
Irrid nerġa’ nieħu l-okkażjoni biex inrodd ħajr lill-Kummissarju tal-Pulizija u l-iskwadra tiegħu, u lill-Avukat Ġenerali u l-uffiċċju tagħha, tal-ħidma dedikata tagħhom.
Lili, lill-gvern tiegħi, kull istituzzjoniji se tibqa’ ssibna ta’ spalla.
Fuq kollox nagħtihom kelmti li fina tibqa’ r-rieda tal-azzar li nagħtuhom ir-riżorsi kollha meħtieġa u fuq kollox ambjent seren biex jaħdmu, ‘il bogħod mill-kontroversja jew l-indħil politiku.
Dan urejtu bil-fatti f’dawn l-aħħar xhur meta ma ddejjaqt xejn nieħu deċiżjonijiet bla preċedent biex nagħti aktar saħħa u awtonomija lill-istituzzjonijiet. Dan qed narawh jagħti l-frott.
Għall-ewwel darba, il-Kummissarju tal-Pulizija ntgħażel wara sejħa pubblika u wara skrutinju pubbliku.
Irriformajna b’mod radikali l-metodu ta’ ħatra tal-ġudikatura. Għandna llum proċess li hu għalkollox indipendenti mill-politiku.
Irħejt minn idejja setgħat li ebda prim ministru ieħor fl-istorja ta’ dan il-pajjiż ma kien lesti li jerħi.
Implimentajna ħafna liġijiet favur governanza tajba, u dan għamilnih għax verament konvinti mill-importanza ta’ dan.
Il-gvern li mmexxi jien huwa forza favur is-sewwa.
It-tama tiegħi hi li dak li seħħ fl-aħħar sigħat ikun pass ieħor lejn il-ġustizzja mal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, u magħha stess.
Se nibqa’ naħdem biex il-pajjiż jagħlaq din il-ferita darba għal dejjem.
Il-ġustizzja ma tħarisx lejn uċuh.
Se niżgura li l-ġustizzja ssir mingħajr biża’ jew favuri.
Għax Malta hu pajjiż fejn tirrenja s-saltna tad-dritt.