Joseph Muscat irid lil Efimova tiġi Malta biex tixhed

 Joseph Muscat irid lil Efimova tiġi Malta biex tixhed

Ritratt: (maltatoday)

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat insista li Maria Efimova, il-whistleblower tal-Bank Pilatus li kienet allegat li l-kumpanija Egrant kienet tiegħu u ta’ martu Michelle, m’għandhiex tingħata ċ-ċans tixhed virtwalment, imma għandha tiġi Malta biex tixhed f’każ ta’ libell ibbażat fuq l-allegazzjonijiet li għamlet hi.

Fil-Qorti t-Tnejn Muscat xehed f’każ ta’ libell li fetaħ hu kontra Matthew Caruana Galizia, iben il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, u l-ġurnalisti ta’ NET TV Mario Frendo u Karl Gouder. Fetaħ libell kontra Caruana Galizia minħabba xi ħaġa li dan kiteb fuq Facebook, u kontra Frendo u Gouder fuq aħbar li xerrdu fuq il-mezz tax-xandir tagħhom, bħala ġurnalist u editur rispettivament.

Inkjesta li saret mill-Maġistrat Aaron Bugeja, li wara sar Imħallef, ma kienet sabet l-ebda evidenza li turi li dak li allegat Efimova huwa minnu. L-allegazzjoni ta’ Efimova kienet ġiet ippubblikata l-ewwel mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fil-blogg tagħha f’April tal-2017, sitt xhur qabel din inqatlet. Inħareġ ukoll mandat t’arrest Ewropew għal Efimova, li qed tinħeba mill-awtoritajiet.

Fil-qorti l-Avukat Joseph Zammit Maempel f’isem NET TV talab li Efimova tixhed virtwalment, imma l-Avukat Pawlu Lia, li jirrappreżenta lil Joseph Muscat, oġġezzjona għal dan u qal li hi għandha tixhed f’Malta stess, għax jekk ma tistax tagħmel dan, juri li hi ma tridx.

Il-Qorti għadha trid tiddeċiedi fuq din it-talba.

https://www.facebook.com/josephmuscatdotcom/posts/10160895108609741

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com