Kelma Ġdida Fil-Vokabularju Malti… X’Inhi?
Il-maskra matul Jum San Valentinu ma niżlitx biss għal xi bewsa jew xi ċikkulatina imma wkoll għal gidma….tal-ħobża marbuta ma’ dan il-Jum.
Il-furnara tal-kumpanija Maypole ħolqu l-Imħobża – il-ħobża uffiċċjali marbuta mal-festa tal-maħbubin. Din il-ħobża, f’forma ta’ qalb intlaqgħet tajjeb minn eluf ta’ Maltin u Għawdxin li f’Jum San Valentinu marru lura d-dar b’qalb friska friska mill-forn tal-Maypole.
Ftit jiem ilu, l-Imħobża, li ġejja mill-kelmiet Imħabba u Ħobża, ingħatat ukoll l-unur li ssir l-aħħar kelma ġdida li daħlet formalment fil-vokabolarju Malti. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-edukazzjoni Justyne Caruana fejn saħqet dwar l-importanza li l-lingwa tagħna tiġi mżewqa bi kliem ġdid minn żmien għall-ieħor.
Il-Professur Michael Spagnol qal li l-kelma hija korretta mil-lat grammatiku u allura tista’ titqies bħala kelma ġdida.
F’kummenti lil Strada Rjali, Sebastian Debono, Direttur tal-kumpanija Maypole, qal li l-Maypole huma onorati li taw il-kontribut tagħhom fil-ħolqien ta’ ħobża u kelma ġdida.
Jingħad li l-Imħabba għamja, u żgur li tista’ tħossha, pero, grazzi għall-Imħobża, issa tista’ wkoll ittogħma….verament każ ta’ “qalb tajba”!!