Kienet Tixrob L-Ilma Mbierek U Kienet Meqjusa Mara Mistika… Francesca Tereża Parlar Tal-Belt Valletta
Il-fdalijiet ta’ Francesca Tereża Parlar, mistika Maltija u Terzjarja Dumnikana, ser ikunu trasferiti miċ-Ċimiterju tal-Addolorata għall-Knisja Dumnikana tal-Lunzjata fil-Birgu, nhar it-13 ta’ Frar 2021.
Francesca Tereża Parlar twieldet il-Belt Valletta nhar l-24 ta’ Novembru 1842, u ġiet mgħammda fil-Parroċċa Dumnikana ta’ Sidtna Marija ta’ Portu Salvu u San Duminku fil-Belt Valletta. Sa minn età żgħira, hija uriet xewqa kbira li tirċievi l-Ewkaristija. Din ix-xewqa nqatgħetilha meta spiċċat marida ħafna fl-età ta’ 8 snin.
Minn dak inhar ‘l quddiem, Tereża Parlar kienet tgħix biss fuq l-Ewkaristija u tixrob biss l-ilma mbierek. Fit-13 ta’ Frar 1882, hija daħlet Terzjarja Dumnikana, bil-professjoni magħmula f’idejn il-Pirjol P. Vinċenz Schembri O.P., fost diversi esperjenzi mistiċi u viżjonijiet.
Il-fama tagħha malajr xterdet ma’ gżirietna, hekk li fit-30 ta’ Jannar 1891, l-Isqof ta’ dak iż-żmien, Mons. Pietru Pace, mar iżurha hu nnifsu. Bejn l-1896 u l-1898, Tereża Parlar għaddiet minn żminijiet diffiċli ħafna minħabba xi deċiżjonijiet li l-Kummisjoni mwaqqafa apposta mill-Knisja biex tistudja l-każ tagħha, kienet ħadet.
Hija ntbagħtet Ta’ Saura, ir-Rabat, u wara l-Ingieret, fejn hemmhekk spiċċat iddur bil-lebbrużi. Tereża Parlar ġarrbet dawn is-sofferenzi b’sabar u mħabba liema bħalha.
Ma kien hemm l-ebda evidenza ppruvata li nġiebet kontriha, illi kienet turi li l-esperjenzi mistiċi tagħha kienu ta’ qerq. Wara dan hija reġgħet lura lejn darha fi Triq il-Pont, l-Isla, fejn kienet ilha tgħix hemmhekk mal-familja tagħha sa minn meta kienu reġgħu lura minn Kostantinopli fi tfulitha.
Parlar darba ħabbret illi dik id-dar kellha titwaqqa’ mingħajr qatt ma terġa’ tinbena. Illum, qalb il-bini tal-Isla, fejn darba kien hemm id-dar umli ta’ Tereża Parlar, wieħed isib fetħa ċkejkna b’siġra tal-palm f’nofsha.
Tereża Parlar mietet nhar it-12 ta’ Frar 1927 b’fama kbira ta’ qdusija. Hija kienet midfuna f’qabar għaliha fil-Kappella tal-Addolorata tal-Patrijiet Dumnikani, fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata.
Nhar it-13 ta’ Frar 2021, f’għeluq il-139 minn meta hija saret Terzjarja Dumnikana, fis-sena Ġubilari għall-Ordni Dumnikan, il-fdalijiet ta’ Tereża Parlar ser jinqalgħu b’mod privat, mill-qabar tagħha, u jaslu fil-Bażilika ta’ Marija Bambina, l-Isla, fid-9:30am. Fl-10am, l-Arċipriet il-Kan. Robin Camilleri ser jippresiedi quddiesa fil-preżenza tal-fdalijiet ta’ Tereża Parlar. Imbagħad f’12pm, il-fdalijiet tagħha ser jittieħdu lejn il-Kunvent Dumnikan tal-Lunzajta fil-Birgu, u jitqiegħdu fl-Oratorju tar-Rużarjanti, fejn il-pubbliku jkun jista’ jmur iżurhom.
Filgħaxija, fis-6pm, il-fdalijiet tagħha ser jittieħdu lejn il-Knisja Dumnikana tal-Lunzjata fil-Belt Vittoriosa, u hemm issir quddiesa Solenni mmexxija mill-Pirjol P. Aaron Zahra O.P., bis-sehem tal-Kapitlu tal-Bażilika ta’ Marija Bambina tal-Isla, u l-Patrijiet Dumnikani tal-Bażilika ta’ Sidtna Marija ta’ Portu Salvu u San Duminku, tal-Belt Valletta. Wara ssir id-difna mill-ġdid ta’ Tereża Parlar fil-Kappellun ta’ Santa Katerina ta’ Siena, patruna tat-Terzjarji (Lajċi) Dumnikani, fl-istess Knisja tal-Lunzjata.
Il-pubbliku huwa mistieden biex jattendi dawn il-funzjonijiet, filwaqt li huwa mħeġġeġ biex josserva d-direttivi u l-prevenzjonijiet maħruġa mid-dipartiment tas-saħħa. L-ilbies tal-maskla, u ż-żamma tad-distinazja soċjali huma obbligatorji.