L-Importanza Li L-Pazjenti U R-Riċerkaturi Jaħdmu Flimkien Għall-Benefiċċju Massimu Possibbli – Il-President

 L-Importanza Li L-Pazjenti U R-Riċerkaturi Jaħdmu Flimkien Għall-Benefiċċju Massimu Possibbli – Il-President

Il-pazjenti u r-riċerkaturi għandhom jaħdmu flimkien biex isiru jafu iktar dwar il-kondizzjoni preżenti, waqt li r-riċerka hija mħeġġa li twassal għal dijanjosi tajba, li eventwalment wieħed ikun jista’ jibbaża fuqha t-trattament neċessarju u l-appoġġ meħtieġ. Il-President ta’ Malta ffoka fuq il-bżonn għal titjib fil-koperazzjoni, il-komunikazzjoni, l-impenn u l-fiduċja reċiproka bejn il-pazjenti, il-familji tagħhom u l-prattikanti, fid-diskors tiegħu fis-seminar bit-titlu “Patients and Researchers – a much needed partnership”.

Fid-diskors tiegħu, il-President George Vella spjega l-importanza li l-pazjenti jiġu informati dwar x’għandhom ħażin u għaliex qed jiġu preskritti trattament partikolari, b’lingwaġġ li jifhmu. Filwaqt li għaraf li din il-parti tal-konsulenza mhix dejjem l-iktar waħda faċli, b’mod speċjali meta l-kundizzjoni tkun ikklassifikata bħala marda rari, huwa qal li l-prattikanti għandhom iżommu f’moħħhom l-ansjetà tal-pazjenti u l-għatx tagħhom li jsiru jafu iktar.

Il-President George Vella qal li huwa importanti li nirrealizzaw li iktar ma tiġi skambjata informazzjoni u data bejn il-pazjenti u r-riċerkaturi, iktar ser ikun hemm il-possibbiltà ta’ dijanjosi aħjar u f’iqsar żmien.

Huwa kkonkluda billi nnota li, fuq kollox, l-għan aħħari huwa li jkollna l-għarfien u l-għodod meħtieġa biex nagħmlu dijanjosi kemm jista’ jkun kmieni biex nagħtu lill-pazjenti b’mard rari l-benefiċċju massimu possibbli, kemm fil-kwalità tal-ħajja kif ukoll fit-tul tagħha.

Is-seminar kien organizzat mill-Alleanza Nazzjonali ta’ Appoġġ għal Mard Rari – Malta.

Ritratti: OPR

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com