Rekord Ta’ Punti Minn Lija A fil-Premier, il-President – “Grazzi lil-Players Kollha.. ir-Raħal Kollhu Kburi Bikom”

 Rekord Ta’ Punti Minn Lija A fil-Premier, il-President – “Grazzi lil-Players Kollha.. ir-Raħal Kollhu Kburi Bikom”

REKORD ta’ 16-il punt sa issa u fadal 10 logħbiet oħra, xi ħaġa li qatt qabel fl-ogħla diviżjoni l-klabb ta’ Lija Athletic m’għamel.

StradaRjali tkellem mal-President tal-klabb Dr. Peter Fenech dwar dan l-ammont rekord ta’ punti għall-klabb immexxi minnu dan l-istaġun fil-Premier, għalkemm huwa konxju u jaċċetta l-fatt li t-triq għadha waħda twila u diffiċli għat-tim li dan l-istaġun iżomm postu mal-kbar.

“Dan huwa rekord storiku għal Lija Athletic, fl-erba’ darbiet li konna Premier qatt ma qbiżna l-14-il punt, dan ifisser li għalkemm l-għan aħħari li nsalvaw għadu ma’ ntlaħaqx, ninsab ottimist li l-players se jkomplu jikbru fl-impenn tagħhom fl-għaxar logħbiet li fadal u nkomplu nżidu t-total ta’ punti fil-klassifika.

L-Avukat Fenech kompla jgħid, “Dan l-istaġun huwa diffiċli ferm ħabba l-pandemija, staġun li fih jiġu relegati erba’ timijiet, possibilment anke ħamsa, terz tat-timijiet fil-Premier.

“Nammetti li l-mira li nsalvaw minkejja l-punti għadha l-bogħod u għat-tela’, madankollu jiġri x’jiġri dan se jibqa mmarkat bħala staġun pożittiv li jagħmel ġieħ lir-raħal ta’ Ħal-Lija, kemm fil-wirjiet u anke bir-riżultati li ksibna.

Fil-bidu tas-sena (2021) t-tim għamel perjodu wieqaf minħabba li l-pandemija laqtet xi players li b’hekk m’oħrajn kellhom jagħmlu l-kwarantina mandatorja, iżda mir-ritorn tagħhom, Lija mmexxija mill-kowċ Joseph Galea kisbu tliet rebħiet, saħansitra għelbu liċ-Champions Floriana 2-1, rebħu ukoll lil Tarxien Rainbows u aktar riċenti lil Senglea Athletic, dan apparti fost l-aktar riżultati riċenti jinkludu draws importanti kontra l-ġirien tagħhom ġeografikament, jiġifieri Mosta u Balzan.

Dwar it-tamiet li jsalvaw posthom fil-Premier dan l-istaġun il-President ta’ Lija Athletic qalilna hekk, “Għadna hemm iżda hija diffiċli, sitt logħbiet mill-10 li fadlilna nistgħu inġibu l-punti minnhom, jekk jiffavoruna r-riżultati nistgħu nidħlu b’ċans żgħir, se nagħmlu ħilitna kollu anke kontra t-timijiet il-kbar, irridu naħdmu aktar, biex issalva dan l-istaġun trid bejn 30 u 33 punt.

Semma l-għaqda li teżisti fid-dressing room bejn il-players kollha fl-iskwadra, mhux inqas l-istaff tekniku, “Naturallment il-barranin jiswew il-flus, aħna klabb żgħir u dejjem naqtgħu id-drapp bil-kejl li jkollna, dan l-istaġun għamilna sforz iżda xorta ma’ nfaqnix ħafna flus.

“Fuq kollox għandha players li jilgħabu b’passjoni – l-armonija u l-għaqda f’dan il-grupp, il-ġiri, l-kundizzjoni fiżika tagħhom u d-determinazzjoni li jaħdmu għal xulxin u jirnexxu huwa l-akbar sigriet, minn hawnhekk ngħid grazzi lill-players kollha”.

Il-viżjoni tal-Malta Football Association wara t-tnedija tal-istrateġija 

L-Avukat Peter Fenech qalilna, “L-uniku mod kif klabb bħal tagħna jista’ jistabilixxi ruħu fil-Premier mhux joqgħod staġun fuq u staġun isfel kif ġara fl-aħħar snin, huwa billi l-klabb ikun strutturat u operat b’mod aktar professjonali.

“Qed inħasru ‘l quddiem bħala klabb lejn it-tibdil imħabbar dan l-aħħar mill-MaltaFA biex sa fl-aħħar il-klabbs, mhux anqas tagħna jkollhom identita, qafas strutturali, legali u finanzjarja biex ikun jista’ jikkompeti mal-klabbs il-kbar.

“It-tibdil imħabbar żgur għandu jwassal biex sa fl-aħħar l-istruttura tal-klabbs tinbidel għal waħda aktar professjonali u li biha jkollom ‘ownership’ li tgħinhom ikunu aktar dinamiċi, jinvestu fis-sod, biex finalmemnt il-miri u aspettativi tad-delettanti tal-futbol f’Malta jibdew jintlaħqu”, temm jgħid il-President ta’ Lija Athletic, Dr. Peter Fenech.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com