Man Utd jirbħu 9-0 fil-Kampjonat wara 26 sena.. Vantaġġ Juve fuq Inter fis-SF tal-Coppa Italia

 Man Utd jirbħu 9-0 fil-Kampjonat wara 26 sena.. Vantaġġ Juve fuq Inter fis-SF tal-Coppa Italia

Premier League

26 sena wara rebħa 9-0 ukoll f’darhom fil-Kampjonat fuq Ipswich Town, Manchester United reġgħu skurjaw disgħa mingħajr risposta, rritornaw għar-rebħ biex literallment immassakraw ukoll f’darhom bl-iskor kbir ta’ 9-0, ironikament lil Southampton li għadha f’moħħom telfa ukoll ta’ 9-0 16-il xahar ilu f’darhom kontra Leicester City, ukoll fil-Premier League.

U jekk in-numru 9 għadu ma’ deherx bizzejjed s’issa f’dan l-artiklu, s-Saints it-Tlieta filgħaxija spiċċaw ukoll il-logħba b’disa’ players wara zewġ tkeċċijiet, waħda wara biss zewġ minuti, ħamra diretta liz-zagħzugħ Alexandre Jankewitz, l-oħra lejn tmiem il-partita lid-difensur li anke kkommetta awto-gowl, Jan Bednarek.

Red Devils bla ħniena skurjaw minn Aaron Wan-Bissaka (18), Marcus Rashford (25), Jan Bednarek (OG 34), Edinson Cavani (39), Anthony Martial (69), Scott McTominay (72), Bruno Fernandes (88 (pen), Anthony Martial (90) u Daniel James (93).

Rizultati oħra t-Tlieta mill-Premier League, it-tieni rebħa konsekuttiva għal Crystal Palace barra minn darhom għelbu lil Newcastle 2-1, goal tar-rebħa għall-Eagles, ġmiel ta’ daqqa ta’ ras minn korner tad-difensur veteran Gary Cahill.

It-tielet rebħa f’ħames logħbiet għat-tim tal-qiegħ Sheffield United, dawru telfa f’suċċess biex għelbu f’darhom lil West Brom 2-1, Billy Sharp bil-goal tar-rebħa għall-Blades u ‘comeback win’ f’darhom anke għal Wolves, b’goals minn penalty ta’ Ruben Neves u ġmiel ta’ xutt minn 35 metru bogħod skurjat minn Joao Moutinho dawru telfa f’rebħa biex għelbu lil Arsenal 2-1, Gunners bħal Southampton ukoll spiċċaw jilgħabu b’disa’ players meta tkeċċewlhom David Luiz u l-goalkeeper Bernd Leno.

L-Erbgħa ħames partiti oħra fosthom Burnley kontra Manchester City, Leeds United jilqgħu lil Everton, Aston Villa f’darhom kontra West Ham u Liverpool jospitaw lil Brighton.

Coppa Italia

L-ewwel leg tal-ewwel semifinali, Juventus għelbu barra minn darhom lil Inter 2-1.

Lautaro Martinez poġġa lil Inter fil-vantaġġ kmieni, b’doppjetta ta’ Cristiano Ronaldo f’disa’ minuti ukoll fl-ewwel taqsima bejn is-26 u l-35 minuta Juventus dawru l-logħba favur tagħhom u vantaġġ għalihom qabel id-dwell ta’ ritorn bħal-lum ġimgħa f’Turin, it-Tlieta 9 ta’ Frar.

L-Erbgħa l-ewwel leg tas-semifinali l-oħra meta Napoli fi Stadio Maradona jilqgħu lil Atalanta.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com